Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETÀ SOĊJALI

PR150228
Date Icon 04/02/2015

Għaqal id-Dar, Ħajja Aħjar

Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia ħabbar inizzjattiva ġdida Għaqal id-Dar, Ħajja Aħjar, bil-għan li tgħin lil familji fil-bżonn.

Il-Ministru Farrugia qal illi Għaqal id-Dar, Ħajja Aħjar huwa isem li kien deċiż li jingħata lil din l-inizzjattiva għaliex nemmnu li bi ftit aktar għaqal, nistgħu ngħixu ħafna aħjar.

Għaqal id-Dar, Ħajja Aħjar huma sensiela ta’ korsijiet li se jingħataw lil persuni fil-bżonn b’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li l-għan ta’ dawn il-korsijiet huwa li jgħin lil dawk kollha li jieħdu sehem biex jiksbu ħiliet u jagħżlu stil ta’ ħajja li tgħinhom jimxu ‘l quddiem għaliex nemmnu li t-taħriġ huwa parti mill-ġlieda tagħna kontra l-faqar.

Dan huwa servizz ieħor ta’ outreach fil-komunità li minbarra pjan ta’ budget għall-familja u informazzjoni dwar id-drittijiet, l-istess korsijiet se joffru wkoll gwida biex il-parteċipanti jagħżlu l-aħjar deċiżjonijiet fil-familja, jagħmlu użu għaqli mid-dawl, ilma u riżorsi oħra biex jiffrankaw, strateġiji differenti biex id-dar tkun dejjem nadifa u għarfien għal dieta tajba għal saħħa aħjar.

Il-Ministru Farrugia spjega kif il-korsijiet se jkunu qed jingħataw minn għalliema mill-grupp professjonali Home Economics in Action u minn mistednin esperti oħrajn. Semma wkoll illi l-ewwel lokalitajiet li se jibdew b’din l-inizzjattiva huma San Pawl il-Baħar, Ħal Qormi, Ħal Għaxaq u l-Kalkara fejn il-pjan huwa li matul din is-sena u s-sena d-dieħla jkunu bdew il-korsijiet fil-lokalitajiet kollha.

Il-Ministru Farrugia qal illi matul  il-korsijiet, l-istil ta’ tagħlim se jkun wieħed attiv u interattiv fejn anki l-ħin tal-brejk se jkun wieħed edukattiv filwaqt li l-parteċipanti se jitgħallmu dwar ikel tajjeb għas-saħħa permezz ta’ riċetti li ma jiswewx ħafna flus izda li huma tajbin.

Michael Farrugia qal li dan huwa Gvern iggwidat mill-valuri tal-ġustizzja soċjali u huwa għalhekk li rridu nassiguraw tmexxija politika u ekonomika li tgħin lid-dgħajjef u lill-vulnerabbli bil-fatti u b’impenn determinat.

“Dan huwa Gvern li, kif wiegħed fil-kampanja elettorali, qed jaħdem favur soċjetà ġusta fejn kulħadd ikollu l-opportunità jimxi ‘l quddiem. Il-mira tagħna hi li nibnu soċjetà bbażata fuq is-solidarjetà soċjali. Aħna kommessi li nħallu wirt soċjali aqwa lit-tfal tagħna, biex uliedna jkunu aħjar minna” temm jgħid il-Ministru Michael Farrugia.

Matul l-istess konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Kunsilli Lokali Stefan Buontempo qal li l-Kunsilli Lokali huma istituzzjonijiet qrib in-nies u qrib il-komunitajiet. Semma kif permezz tal-ħidma li saret bejn il-Ministeru għall-Familja u s-Segretarjat Parlamentari saret din l-inizzjattiva li se tkun qed toffri wkoll is-servizz ta’ Childcare b’xejn għall-parteċipanti li jkollhom bżonn.

Dawk kollha interessati jistgħu jiksbu aktar informazzjoni mingħand il-Kunsilli Lokali rispettivi tagħhom.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow