IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU DR EDWARD ZAMMIT LEWIS U L-MINISTRU GĦAL GĦAWDEX DR ANTON REFALO JINDIRIZZAW IL-KONSULTAZZJONI PUBBLIKA DWAR L-ABBOZZ TAL-POLITIKA NAZZJONALI GĦAT-TURIŻMU 2015-2020 F’GĦAWDEX
Illum il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis u l-Ministru għal Għawdex Dr Anton Refalo indirizzaw konsultazzjoni pubblika dwar l-abbozz tal-Politika Nazzjonali għat-Turiżmu 2015-2020 fil-gżira ta' Għawdex.
Il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis spjega kif il-Politika Nazzjonali għat-Turiżmu tkopri l-industrija tat-turiżmu fil-Gżejjer Maltin u għalhekk emfasizza l-fatt li huwa d-dokument fit-totalità tiegħu li għandu relevanza għall-industrija turistika Għawdxija. Madankollu, il-Ministru Zammit Lewis tenna wkoll li Għawdex jippossjedi numru ta’ fatturi uniċi li jiddistingwuh mill-gżira ta’ Malta li minħabba fihom kien meħtieġ li jinħarġu wkoll numru ta’ miżuri partikolari għall-ħtiġijiet ta’ din il-gżira.
“Dan il-Gvern jemmen bis-sħiħ fil-prospetti sbieħ li għandu Għawdex sabiex ikun tassew destinazzjoni distinta u għaldaqstant, permezz ta’ din il-politika ġdida għat-Turiżmu se nkunu qegħdin nagħmlu proposti solidi li tassew iwasslu biex Għawdex jiġi pożizzjonat u proġettat bħala destinazzjoni li kapaċi timxi weħidha u mhux dejjem fid-dell ta’ Malta,’’ saħaq il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis.
‘‘Nemmnu li Għawdex qabad it-triq it-tajba iżda fadal ħafna xi jsir sabiex inkunu nistgħu ngħidu li l-miri tagħna lħaqnihom,’’ saħaq il-Ministru Zammit Lewis.
Il-Ministru Zammit Lewis fisser kif Għawdex hija destinazzjoni li tattira ishma kważi ugwali ta’ turisti barranin u domestiċi. Mil-lat ta’ attrazzjonijiet, Għawdex jispikka bħala destinazzjoni ta’ kwalità fejn il-kwiet jirrenja f’ambjent safi u fejn il-viżitatur jesperjenza atmosfera ġenwina ta’ gżira Mediterranja fejn it-tradizzjonijiet għadhom b’saħħithom u ta’ valur.
‘‘Għawdex għandu jibni fuq dak li huwa pożittiv u jitbiegħed minn dak li ma jixraqlux,’’ tenna l-Ministru Zammit Lewis. ‘‘Għandu jiżviluppa fuq il-prinċipju ta’ competitive advantage. Naqbel bis-sħiħ li l-volumi turistiċi f’Għawdex għandhom ħafna u ħafna wisgħa fejn jikbru u jimirħu iżda ma nemminx li Għawdex għandu jiffoka fuq il-volumi kwalunkwe. Dan qegħdin ngħiduh anke għall-gżira ta’ Malta u fil-każ ta’Għawdex nixtiequ nemfasizzawh aktar.’’
‘‘Għawdex jiflaħ ikun selettiv f’dak li jrid u jikkapitalizza mill-vantaġġi soċjo-kulturali u naturali li hu mogħni bihom,’’ saħaq il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis. Jeħtieġ li jkompli jibni fuq il-pedamenti tal-kwalità li jeżistu diġà billi jattira turist li jfittex dak li diġà joffri. Dan irid jagħmlu billi jestendi l-istaġun u jkattar l-offerta bażika li diġà qiegħda hemm: aspetti bħal dawk rurali li jistgħu jevolvu f’agrituriżmu sofistikat, dawk ta’ wellness li jintegraw bis-sħiħ mal-lifestyle trends li qegħdin tant jikbru fis-swieq turistiċi tagħna. Hemm skop ta’ twessigħ fl-activity holidays fejn Għawdex igawdi minn ġmiel ta’ kosta u kampanja li jistgħu jattiraw eluf aktar ta’ turisti anke matul xhur aktar kwieti matul is-sena. Fil-qasam tal-iscuba diving Għawdex huwa diġà rikonoxxut bħala waħda mid-destinazzjonijiet ewlenin mhux biss fil-Mediterran iżda fid-dinja u fadal ħafna aktar xi jsir sabiex nimmassimizzaw il-potenzjal ta’ dan is-settur.
Sadanittant il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo tenna b’sodisfazzjon li fl-Abbozz tal-Politika Nazzjonali għat-Turiżmu, hemm kapitlu sħiħ iddedikat lil Għawdex. Dan juri fil-konkret kif dan il-Gvern jagħti attenzjoni speċjali lil Għawdex u iktar minn hekk juri għarfien fil-qasam tat-turiżmu, li huwa settur importanti ħafna għal Għawdex. Il-gżira għandha karatteristiċi u ħtiġijiet distinti minn dawk ta’ Malta u jinħtieġ li jiġu indirizzati separatament fuq il-mertu tagħhom, u mhux fuq il-prinċipju żbaljat ta’ one size fits all. B’daqshekk ma jfissirx li Għawdex għandu jmur għal rasu jew li l-politika turistika tiegħu ma tkunx ikkoordinata bis-sħiħ ma’ dik li tapplika għal Malta in ġenerali.
It-turiżmu diġà qiegħed jgħin lil Għawdex jiddiversifika l-ekonomija tiegħu u ġaladarba qiegħed jingħata l-istatus ta’ destinazzjoni distinta se jgħin sabiex din il-ġawhra tkun tassew tista’ tiġi pożizzjonata b’suċċess fis-swieq barranin.
Il-Ministru Anton Refalo tenna li l-Ministeru għal Għawdex sa mill-bidunett ħa ċerti miżuri sabiex il-qasam tat-turiżmu f’Għawdex jingħata injezzjoni urġenti li tħalli riżultati immedjati u dan fil-preżenza ta’ vakum sħiħ politiku f’dan il-qasam li sarraf f’deklin sostanzjali fl-attività u fid-dħul relatati.
Ir-riżultati kollha għat-turiżmu f’Għawdex għas-sena 2014 juru li kienet sena ta’ suċċess fenomenali: kemm għat-turiżmu internazzjonali kif ukoll għal dak domestiku. Żdiedu l-passiġġieri u l-vetturi li żaru Għawdex, l-okkupanza fil-lukandi u akkommodazzjoni mhux kollettiva żdiedu matul firxa aktar wiesgħa ta’ xhur u s-setturi kollha tat-turiżmu f’Għawdex bħal scuba diving, wellness, activity holidays bħal climbing, walking, hiking, biking kollha kibru b’rati tajbin.
Il-Ministru Refalo qal li dan ir-riżultat inkiseb b’diversi inizjattivi; fosthom skemi ta’ vjaġġar irħis bil-vapuri tal-Gozo Channel, kampanji estensivi ta’ reklamar lokali u internazzjonali maħsuba biex jikber l-għarfien u l-interess fid-destinazzjoni kif ukoll qed isir titjib fis-sit elettroniku VisitGozo.
Il-Ministeru għal Għawdex jemmen li l-gżira għandha bżonn attenzjoni partikolari biex jitjieb il-prodott u fis-sena u nofs li għaddew ittieħdu deċiżjonijiet u sar xogħol għal dan il-għan. Dan sabiex Għawdex ikun post imsebbaħ, nadif u li jagħti gost kemm lir-residenti kif ukoll lill-viżitaturi lokali u barranin li jagħżlu lill-gżira għall-btala tagħhom. Dawn ix-xogħlijiet jinkludu:
• Restawr tal-Banca Giuratale li issa wasal fi stadju avvanzat;
• Tkomplija tal-master plan taċ-Ċittadella li ladarba jkun lest għandu jwassal biex dan il-post storiku jkun esperjenza unika li tagħti għarfien aħjar dwar l-istorja, il-wirt u l-kultura tal-poplu Għawdxi;
• Żamma u tindif tal-bajjiet u l-ambjent ta’ madwarhom, inkluż xogħol fil-promenade tal-Qbajjar li tħalla fi stat ta’ abbandun għal snin twal u kien sar ta’ periklu għal min iżuru;
• Tkomplija tal-proċess li kien wieqaf bejn il-Ministeru għal Għawdex, l-MTA u l-MEPA bil-għan li jitgħarrqu ‘l barra mill-kosta, il-fdalijiet ta’ dik li kienet l-AFM patrol boat PS 33 u toffri b’hekk ambjent ieħor taħt il-baħar bħala attrazzjoni għall-għaddasa li nifhmu li huwa settur importanti għall-ekonomija tal-gżira. Dan il-proġett miexi b’ritmu tajjeb u qed insegwuh pass pass biex niffinalizzawh.
• Ippjanar tal-proġett tal-baga tax-Xlendi biex Għawdex ikollu l-irmiġġ mixtieq mill-industrija tal-cruise liners u jgawdi wkoll minn din l-industrija. Il-Ministru semma wkoll li din is-sena ippjanati li jiġu Għawdex madwar 28 cruiseliner.
Il-Politika tal-Gvern għat-Turiżmu f’Għawdex qiegħda tirrikonoxxi li Għawdex għandu ħtiġijiet partikolari. Għaldaqstant hemm bżonn soluzzjonijiet tajbin għal Għawdex f’oqsma bħat-trasport, impjieg, staġjonalità, il-bilanċ bejn is-suq domestiku u dak barrani, l-aspett ġenwin rurali tal-gżira Għawdxija u l-kwalità għolja tal-akkommodazzjoni li nsibu f’Għawdex. Il-Ministru Refalo tenna li l-inizjattiva, li ħadu l-Ministru tal-Edukazzjoni u l-Ministru għat-Turiżmu biex idaħħlu s-suġġett tal-ospitalità bħala wieħed mill-korsijiet fuq livell ta’ edukazzjoni sekondarja, hija ferm pożittiva.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046