IL-KUMMISSARJU EWROPEW KARMENU VELLA F’LAQGĦA MAL-CORE GROUP TAL-MEUSAC
Għall-ewwel darba minn meta nħatar Kummissarju Ewropew responsabbli mill-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Karmenu Vella ħa sehem f’laqgħa tal-Core Group tal-MEUSAC fejn ippreżenta u ddiskuta l-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida fl-isfond tat-temi ewlenin li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu.
Fil-ftuħ tal-laqgħa, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli, fissret l-importanza ta’ laqgħa bħal din fejn il-Kummissarju Ewropew ikun jista’ jisma’ l-ideat tas-sħab soċjali u anki sabiex il-membri tal-Core Group, li jirrappreżentaw diversi setturi tas-soċjetà, jkunu mgħarrfa dwar dak li qed jiġri fuq livell Ewropew. Dr. Dalli semmiet kif din hija r-raba’ darba li qed issir laqgħa tal-Core Group mal-Kummissarju Ewropew maħtur minn Malta.
Il-Kummissarju Ewropew Karmenu Vella spjega kif din il-Kummissjoni l-ġdida qed tiffoka fuq l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment. Fl-istess ħin, qed taħdem sabiex tkun Kummissjoni iktar sempliċi fil-liġijiet u iktar effettiva fir-riżultati, sabiex dawn it-tliet setturi jimxu id f’id.
Dwar is-settur tas-sajd, Karmenu Vella semma’ kif wara r-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd li daħlet fis-seħħ fl-2014, il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem sabiex dan is-settur jiġi sfruttat b’rata sostenibbli.
Dwar il-Politika Marittima Integrata, Karmenu Vella qal li kull Stat Membru għandu jkollu pjan dwar l-attivitajiet marittimi li jaqgħu taħtu biex ikun hemm integrazzjoni fil-Politika Marittima tal-UE. Semma’ wkoll l-ippjanar tal-ispazju marittimu li bih, waqt li tikber l-attività fl-ibħra tal-UE, jintuża l-ispazju bl-aħjar mod.
Għall-Kummissarju Ewropew, il-governanza tal-oċeani hija prijorità għall-iżvilupp sostennibli, iktar u iktar meta din is-sena n-Nazzjonijiet Magħquda ser tistabbilixxi miri ġodda għall-iżvilupp. Qal li jrid jiġi sfruttat iktar il-potenzjal tal-ibħra għat-tkabbir ekonomiku (blue growth) minħabba li sa issa l-ekonomija tal-UE kienet iktar ibbażata fuq l-art. Barra minn hekk, dan it-tkabbir hu ta’ interess speċjali għal pajjiżi bħal Malta minħabba li parti kbira tal-ġid tal-pajjiż jiġi ġġenerat minn setturi relatati mal-baħar.
Il-Kummissarju Karmenu Vella indirizza wkoll il-qasam ambjentali fejn qal li hemm bżonn ħidma sabiex minn ekonomija lineari, (fejn prodott jintrema wara li jispiċċa), tinbidel għal ekonomija ċirkolari (fejn kollox jerġa’ jintuża bla ma jispiċċa skart). Minħabba li l-Ewropa għandha nuqqas ta’ riżorsi, huwa importanti li l-ekonomija u l-ambjent ma jkunux separati imma għandu jinstab bilanċ ta’ kif it-tnejn li huma jiġu integrati flimkien.
Ir-reazzjonijiet mis-sħab soċjali kienu jinkludu t-tfigħ illegali ta’ skart tossiku fil-baħar, l-ispeċi invażivi, l-immaniġġjar tal-iskart tal-plastik, u s-sigurtà marittima tal-UE. Issemmew ukoll ir-regolamenti ambjentali stretti tal-UE f’kuntrast ma’ dawk laxki ta’ pajjiżi barra minnha. Issemmiet ukoll il-problema tat-tniġġis tal-arja li qed ikollha riperkussjonijiet fuq is-saħħa tal-bniedem. Tqajjem ukoll il-punt li ċ-ċittadin qed jispiċċa jinqata’ mill-istituzzjonijiet Ewropej għax irid soluzzjonijiet konkreti.
Bi tweġiba għall-punti mqajma, il-Kummissarju Karmenu Vella ta ħarsa lejn il-ħidma tal-Kummissjoni fl-oqsma msemmija, fosthom dwar direttiva dwar l-ispeċi invażivi li qed tinħadem, dwar id-deċiżjoni li jinqata’ l-iskart tal-plastik u jintuża plastik riċiklabbli biss, u dwar il-problema tat-tniġġis tal-arja li qed ikollha effetti ekonomiċi wkoll. Irrefera wkoll għal mistoqsija mqajma mir-rappreżentanta tal-Oppożizzjoni dwar ħames proċeduri formali ta’ ksur ta’ liġijiet Ewropej li kemm fil-konfront ta’ Malta u kif dawn qed jiġu indirizzati mill-Kummissjoni Ewropea.
Fi tmiem il-laqgħa, il-Kap tal-MEUSAC Vanni Xuereb ippreżenta lill-Ministru Dalli, lill-Kummissarju Ewropew u lill-membri tal-Core Group, kopja tar-Rapport ta’ Ħidma tal-MEUSAC għall-2014.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046