JUM IL-PROTEZZJONI TAD-DATA
Illum huwa l-jum dedikat għall-protezzjoni tad-data. Din l-okkażjoni tgħin sabiex tkompli titkattar il-kuxjenza u l-għarfien dwar id-dritt għall-privatezza tal-individwi.
Il-bżonn għal sensittività f’dan il-qasam kompla jikber tul is-snin, speċjalment fid-dawl ta’ żviluppi fil-qasam tal-mezzi soċjali u fit-teknoloġija li titħaddem minn fost ħafna iktar ċittadini b’iktar faċilità.
Dawn il-kunsiderazzjonijiet, flimkien ma’ oħrajn li jirrigwardaw l-użu u l-ipproċessar ta’ data personali, kienu l-isfond sabiex jibdew diskussjonijiet dwar Regolament Ġenerali għall-Protezzjoni tad-Data fl-Unjoni Ewropea. Il-ħsieb ewlieni huwa li l-implimentazzjoni f’dan il-qasam ma tibqax titqies b’kejl differenti minn pajjiż għal ieħor fl-Unjoni Ewropea, iżda li jkun hemm regoli li jkunu l-istess għaċ-ċittadini kollha fl-Ewropa, hekk kif l-era diġitali neħħiet il-fruntieri bejn il-pajjiżi.
Il-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u l-Libertajiet Ċivili qed jipparteċipa b’mod attiv f’dawn id-diskussjonijiet, u b’hekk jiżgura li Malta tkun tagħti l-kontribut u l-opinjonijiet tagħha f’din ir-riforma daqshekk importanti.
Il-Gvern impenjat li jkompli jaħdem biex id-dritt fundamentali tal-privatezza u tal-użu meqjus tad-data personali jkun imħares. Huwa għalhekk li l-istrutturi mwaqqfa fil-qasam tas-servizz pubbliku f’dan is-settur komplew jissaħħu tul l-aħħar sena permezz ta’ iktar taħriġ iffukat.
Għal jum il-protezzjoni tad-data, il-Ministeru organizza taħriġ għall-uffiċjali kollha responsabbli mill-protezzjoni tad-data fil-Ministeri u Dipartimenti tagħhom.
L-għarfien li qed ikompli jinfirex permezz ta’ din l-attività, kif ukoll xogħol ieħor li jsir matul is-sena, ikompli jgħin sabiex dejjem ikun żgurat li jkun hemm is-salvagwardji kollha li jħarsu l-privatezza tal-individwi.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046