STQARRIJA MINISTERJALI MILL-PRIM MINISTRU DR JOSEPH MUSCAT DWAR IS-SITWAZZJONI FIL-LIBJA
Sur President,
Nixtieq nirrapporta lil din il-Kamra dwar l-aħħar żviluppi tas-sitwazzjoni fil-Libja, b'mod partikolari wara l-attakk li seħħ ilbieraħ fuq il-lukanda Corinthia fi Tripli.
Fid-dawl ta’ dak li ġara lbieraħ, illum sejjaħt laqgħa tal-Kumitat tas-Sigurtà, li bil-liġi mmexxi jien, u huma membri tiegħu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u l-Kap tal-Oppożizzjoni, u fejn jiġu mistiedna jagħtu l-veduti tagħhom il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Kap tas-Servizz ta’ Sigurtà.
Matul din il-laqgħa ngħatat informazzjoni sħiħa dwar is-sitwazzjoni ta’ bħalissa. Inżid li matul il-ġurnata ta’ lbieraħ kont f’kuntatt mall-Kap tal-Oppożizzjoni biex ninfurmah dwar l-iżviluppi.
Nemmen li f’sitwazzjonijiet bħal dawn, il-poplu Malti isib l-għaqda fis-saħħa, u nemmen li l-attitudni bi-partisan li jidher li ż-żewġ naħat tal-Kamra qed jieħdu dwar il-qagħda fil-Libja hija waħda li ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ pajjiżna.
F’din l-istqarrija se nkun qed nagħti fatti kif jirriżultaw lill-Gvern Malti permezz tar-rapporti ta’ intelligence li għandna f’dan il-mument.
Li nistgħu ngħidu wara diskussjonijiet ma’ sorsi differenti fil-Libja u bnadi oħra, huwa li l-attakk tal-bieraħ ma jidhirx li kien wieħed immirat lejn Malta jew lejn interessi Maltin in partikolari.
L-attakk jidher li seħħ irrispettivament minn min huma s-sidien tal-lukanda.
Hemm numru ta’ verżjonijiet dwar il-mottivi tal-attakk. Il-Gvern u s-Servizzi ta’ Sigurtà ta’ Malta mhumiex f’pożizzjoni li b’mod indipendenti jivverifikaw liema verżjoni hija dik korretta. Lanqas ma naħseb li din l-istqarrija għandha toqgħod tispekula dwar il-probabiltà ta’ liema verżjoni hija korretta.
Minflok, nixtieq biss ngħid liema huma t-tliet verżjonijiet li l-aktar qed jiġu identifikati bħala li wasslu għall-attakk.
L-ewwel waħda hija li dan kien attakk li sar minn organizzazzjoni b’rabta mal-organizzazzjoni terroristika tal-Istat Islamiku għal mottivi ta’ destabilizazzjoni ulterjuri tal-Libja, possibbilment ukoll biex jiġu sfrattati t-taħdidiet ta’ paċi li qed isiru bħalissa bejn il-fazzjonijiet Libjani f’Ġinevra.
It-tieni verżjoni hija li dan kien attakk immirat biex jinqatel il-Prim Ministru tal-Gvern ta’ Tripli, li mhux rikonoxxut mill-komunità internazzjonali. Jidher li l-Prim Ministru kien ikun f’din il-lukanda iżda skont it-tmexxija tal-lukanda ma kienx joqgħod fiha.
It-tielet verżjoni hija li dan kien attakk minn organizzazzjoni b’rabta mal-Al Qaeda u kien immirat lejn kumpanija barranija partikolari involuta fil-qasam tas-sigurtà li kellha uffiċċju fil-lukanda.
Ovvjament jista’ jkun hemm verżjonijiet oħra u mhux eskluż li l-mottiv veru huwa taħlita ta’ dawn il-verżjonijiet u oħrajn.
Hemm rapport persistenti li l-persuni li wettqu dawn l-attakk, li kienu bejn 3 u 5, ma kinux Libjani. Mhux eskluż il-fatt li persuna assoċjata ma’ dan l-attakk għadu ħaj wara r-raid li sar minn forzi ta’ Tripli fuq il-lukanda u jinsab f’idejn l-awtoritajiet. L-oħrajn jirriżulta li nqatlu.
F'dan il-mument ma nħossx li għandna nagħtu lok għal spekulazzjoni u qed inżomm il-prudenza massima minħabba s-sensittività tas-sitwazzjoni fil-Libja.
In-numru tal-vittmi u n-nazzjonalità tagħhom għadha mhix aċċertata. L-ammont l-aktar kredibbli jidher li hu ta’ 14–il vittma.
Dawn jinkludu 4 membri ta’ ekwipaġġ ta’ linja tal-ajru Libjana li aktarx kienu mit-Tajikistan, iżda mhux eskluż li wieħed minnhom kien ġej minn pajjiż ieħor. Kien hemm ukoll vittma ta’ nazzjonalità Amerikana li kien jaħdem ma’ kumpanija tas-sigurtà. Il-vittmi l-oħra, minbarra t-terroristi, jidher li huma Libjani.
Ma jirriżultax li kien hemm Maltin fost il-vittmi.
Saret ħidma immedjata biex, hekk kif seħħ l-attakk, 9 Maltin li jaħdmu fil-lukanda ġew evakwati għal post sigur. Żewġ Maltin oħra baqgħu jsegwu l-operazzjonijiet għaliex kienu responsabbli mit-tmexxija tal-lukanda.
Irrid ngħid li hemm kollaborazzjoni sħiħa bejn il-Gvern Malti u l-Corinthia Group li ma bdietx ilbieraħ iżda ilha għaddejja għal ħafna żmien.
Filgħaxija, dawn il-11-il Maltin flimkien ma’ 13-il ċittadin Malti ieħor li jaħdmu fil-kumpless ta’ Palm City, ukoll propjetà tal-Corinthia, ittieħdu f’post ieħor sigur.
Minn dawn l-24 persuna, 13 inġiebu Malta illum permezz ta’ titjira speċjali. Ta’ min ngħid li, mingħajr ħafna daqq ta’ trombi, ilna għaddejjin ngħinu f’operazzjonijiet ta’ evakwazzjonijiet ta’ persuni ta’ nazzjonalitajiet differenti għal dawn l-aħħar xhur. Fil-fatt, illum kien hemm evakwazzjoni oħra simili.
Il-11-il persuna oħra li jaħdmu mal-Corinthia u li baqgħu fil-Libja qegħdin hemmhekk fuq għażla tagħhom u minkejja li ħeġġiġniehom, anki permezz ta’ kuntatti diretti, biex joħorġu mill-pajjiż. Nagħmilha ċara li dawn il-persuni, u kull ċittadin Malti li jinsab fil-Libja, qegħdin hemm kontra l-parir tal-Gvern u li t-travel advice tagħna jibqa’ biex Maltin ma jmorrux il-Libja.
Bħala Gvern nibqgħu disposti li ngħinu mill-aħjar li nistgħu biex Maltin li jkunu jridu jitilqu mill-pajjiż, jiġu evakwati. Iżda ma nistgħu nġiegħlu lil ħadd. Fil-fatt, nafu b’każijiet ta’ persuni li evakwajna mil-Libja fiż-żmien meta kulħadd beda ħiereġ mill-pajjiż, iżda li saħansitra reġgħu marru lura ftit ġimgħat wara.
Il-parir tagħna biex il-Maltin jitilqu mil-Libja huwa bbażat fuq il-fatt tas-sitwazzjoni instabbli fil-pajjiż u li ma nistgħux neskludu li jkun hemm attakki oħra fuq propjetajiet fejn hemm interessi barranin jew fejn jinsabu persuni jew kumpaniji barranin, jew fejn joqgħodu persuni partikolari, irrespettivament minn ta’ min huma dawn il-propjetajiet.
Irrid ngħid li fil-laqgħat li kelli lbieraħ fi Brussel, mal-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk u mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker, kien hemm diġà fuq l-aġenda, fuq talba tagħna, il-kwistjoni tal-Libja. Dak li ġara lbieraħ ftit qabel bdew id-diskussjonijiet, għamel il-kwistjoni aktar pressanti.
Irrid ninforma lil din il-Kamra li wassalt bil-qawwa kollha l-messaġġ li l-Unjoni Ewropea għandha obbligu li tagħti importanza kbira lejn dak li qed jiġri ftit kilometri biss bogħod mill-Ewropa.
Huwa tajjeb li l-Ewropa tħares lejn il-Lvant u l-kunflitti li jeżistu hemm, iżda s-sitwazzjoni fil-Libja hija waħda li trid tingħata l-istess priorità.
Inkella l-Ewropa se jerġa’ jiġrilha bħal ma ġralha fl-hekk imsejjħa Rebbiegħa Għarbija, fejn ma ndunatx b’dak li qed jiġri u spiċċat kważi passiva għall-avvenimenti.
L-Ewropa trid turi li qed tifhem u lesta taġixxi b’mod partikolari mal-Libja fejn jekk ikollna stat fallut, failed state, fuq l-għatba Ewropea, jista’ jkollha riperkussjonijiet fuq tant kwistjonijiet kruċjali, ibda mill-immigrazzjoni, kompli bit-terroriżmu u spiċċa bl-enerġija.
Dan biex ma nsemmux it-traġedji umani li għaddej minnu l-poplu Libjan, li aħna bħala Maltin inqisu tant qribna.
Illejla, il-Gvern Malti ħareġ stqarrija konġunta flimkien mall-Gvernijiet tal-Italja, Franza, Ġermanja, Renju Unit u Stati Uniti fejn qed nikkundannaw dan l-attakk u qed ngħidu li m’għandux jitħalla jfixkel il-proċess politiku fil-Libja, filwaqt li nappellaw lil-Libjani kollha biex jaħdmu sabiex itemmu l-kunflitt ta’ bejniethom li ma jagħmel xejn ħlief li jżid it-theddida tat-terrorizmu.
F’dan il-kuntest, dawn is-sitt pajjiżi qed inkomplu nagħtu l-appoġġ tagħna lill-Ġnus Magħquda u lir-Rappreżentant Speċjali Bernardino Leon, fil-ħidma tiegħu. Inżid li l-Gvern Malti, permezz tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin, qed jaħdem mill-qrib ma’ Leon fit-twettiq tal-mandat diffiċli tiegħu.
Bħala Malta, aħna se nkomplu naħdmu fil-kwiet biex inġibu l-partijiet kollha leġittimi u li jaċċettaw il-prinċipji bażiċi demokratiċi u tas-saltna tal-liġi flimkien. Dan qed nagħmluh b’mod attiv, għal darba oħra mingħajr ħafna daqq ta’ trombi.
Intenni l-pożizzjoni li ilni li esprimejt aktar minn sena, jiġifieri li nemmen li jekk il-poplu Libjan jitlob, il-kommunità internazzjonali għandha tkun lesta li tibgħat, taħt l-awspiċi tal-Ġnus Magħquda, missjoni li tgħin biex tistabilixxi s-sigurtà fil-pajjiż, iżżarma l-milizzji illegali u tgħin biex jiġu stabbiliti l-istituzzjonijiet għat-tmexxija tal-pajjiż.
Nifhem ukoll li fatti bħal ma ġraw ilbieraħ jinkwetaw lil persuni ta’ rieda tajba. Nassigura lil kulħadd li l-Pulizija, l-Armata u s-Servizz tas-Sigurtà qed jużaw ir-riżorsi kollha tagħhom, fir-realtà ta’ pajjiżna li kulħadd konxju tagħha, biex inkomplu ngħixu fis-sigurtà. F’dan il-qasam, nemmen li huwa aktar importanti li nwettqu aktar milli nitkellmu. Intenni li permezz tal-Kumitat tas-Sigurtà qed infittxu u għandna attitudni bi-partisan li tgħin biex ix-xogħol isir b’mod effettiv.
Nemmen, li minbarra li nieħdu l-prewkazzjonijiet kollha possibbli, li nerġa’ nassigura li qed jittieħdu, l-“arma” prinċipali tagħna hija li nibqgħu nkunu post ta’ djalogu u pont ta’ paċi fil-Mediterran, fejn b’politika attiva ta’ newtralità ngħinu sabiex dan il-baħar li jdawwarna u l-ġirien tagħna jaraw fina ħbieb onesti li l-uniku interess tagħhom huma l-għaqda, l-istabbilità u l-paċi.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046