IL-KUNSILL MALTI GĦALL-IŻVILUPP EKONOMIKU U SOĊJALI JIDDISKUTI R-RIFORMA FIT-TRASPORT PUBBLIKU
F’Mejju li ġej jibdew jaslu l-karozzi tal-linja l-ġodda (142 b’kollox) filwaqt li sas-sajf se jkunu bdew jaħdmu 300 xufier ġdid biex ikopru r-rotot
F’laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali l-MCESD li nżammet dalgħodu fil-preżenza tal-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, l-imsieħba soċjali ddiskutew ir-riforma fit-trasport pubbliku.
F’indirizz qasir fil-bidu tal-laqgħa, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli fissret l-importanza li għandu t-trasport pubbliku kemm mill-aspett ekonomiku kif ukoll minn dak soċjali. Hija rrimarkat kif nuqqas ta’ effiċjenza fit-trasport pubbliku ssarraf f’diversi problemi mhux biss għall-ekonomija ta’ pajjiżna imma wkoll fi problemi soċjali.
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi elenka l-proċess li tmexxa mill-Ministeru u minn Transport Malta fix-xhur li għaddew u li kien jinkludi x-xiri mill-Gvern tal-assi u d-dejn tal-kumpanija Arriva, it-tibdil tal-isem għal Malta Public Transport Services u l-ħruġ ta’ sejħa internazzjonali t’espressjoni t’interess.
Spjega kif wara li Transport Malta evalwat is-sottomissjonijiet kollha li kienet irċeviet, f’Awwissu li għadda l-kumpanija Autobuses de Leon kienet identifikata bħala l-preferred bidder, bil-Gvern jibda n-negozjati.
Il-Ministru Mizzi semma’ kif ix-xahar li għadda kien konkluż il-ftehim bejn l-Ispanjoli u l-Gvern Malti u li daħal fis-seħħ fit-8 ta’ Jannar. Fisser kif il-bejgħ tal-kumpanija tal-Gvern sar b’kuntratt ta’ konċessjoni għall-prezz ta’ €8miljun, b’sussidju ta’ €23miljun fl-ewwel sena u li jiżdied għal €29miljun fis-sena ta’ wara. Dan b’kuntrast mat-talba ta’ €45 miljun f’sussidju li kienu għamlu l-Arriva u €40 miljun li kien għamel il-konsorzju ffurmat minn kumpaniji Maltin.
Il-Ministru Mizzi spjega kif bis-saħħa ta’ dan il-kuntratt, il-kumpanija Spanjola se tkun qed timporta lejn Malta 142 karozza tal-linja ġdida Euro 6 low floor u li se jibdew jaslu f’Mejju li ġej. Dawn se jkunu qed jingħaqdu mal-flotta eżistenti biex minn 285, issa l-kumpanija se jkollha 360 karozza tal-linja. Barra dan, sas-sajf li ġej se jkunu ġew impjegati 300 xufier ġdid biex ikopru ż-żieda fin-netwerk tar-rotot ta’ 3 miljun kilometru fis-sena li mistennija jiġu implimentati gradwalment matul din is-sena.
Il-Ministru Joe Mizzi qal li bidla ewlenija permezz ta’ din ir-riforma se tkun l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ cards personalizzati biex ikun evitat ix-xiri tal-biljetti minn fuq il-karozzi tal-linja. Fl-istess ħin semma’ kif se jkun hemm roħs fil-prezzijiet għall-istudenti, pensjonanti u persuni b’diżabilità.
F’Marzu li ġej se tkun qed titmexxa kampanja t’informazzjoni estensiva fuq il-mezzi tax-xandir kif ukoll permezz ta’ diversi roadshows f’lokalitajiet differenti.
Iċ-Chairman tal-MCESD John Bencini ddeskriva din il-laqgħa bħala waħda importanti minħabba l-isfidi li t-trasport pubbliku jġib miegħu. Qal li l-poplu qed jistenna li jkun hemm it-titjib neċessarju.
Preżenti kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta James Piscopo.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046