Left arrow Go Back

MALTA BI PROPOSTI KONKRETI ĦALLI JORĦSU T-TARIFFI TAR-ROAMING MALAJR KEMM JISTA' JKUN

pr150117
Date Icon 22/01/2015

Is-Segretarju Parlamentari Jose’ Herrera għamel sensiela ta' proposti konkreti biex fil-pajjizi tal-UE, fosthom Malta, jorħsu t-tariffi tar-roaming u b'hekk ikompli jikber l-użu tat-telephone ċellulari. Huwa għamel dawn il-proposti lill-Presidenza tal-UE u lill-Kummisarju responsabli mit-telekomunikazzjoni Gunther Oettinger.

Fil-11 ta' Settembru tal-2013, il-Kummissjoni Ewropea preżentat għadd ta' proposti li jikkonċernaw il-komunikazzjoni elettronika fi sfond ta' Suq Ewropew waħdieni fosthom il-ħlasijiet għal sejħiet internazzjonali (international calls), regolamentazzjoni / awtorizazzjoni waħda għal kumpanija li trid topera fis-Suq Ewropew, it-traħħis tat-tariffi tar-roaming għal dawk li jagħmlu sejħiet minn pajjiż tal-UE għall-pajjiż iehor tal-UE (r-Roam-Like-At-Home: RLAH) u l-eliminazzjoni għal kwalunkwe tip ta' tariffa żejda li persuna tigi mitluba li tħallas meta din tirċievi telefonata waqt li tkun fuq servizz ta' roaming.

Proposta oħra li kienet resqet il-Kummissjoni tirrigwarda n-net neutrality, jiġifieri sett ta' miżuri li jippriżervaw l-użu tal-internet ħieles u liberu minn kull forma ta' kontrolli mhux xierqa għal raġunijiet kummerċjali.

Minn dawn il-proposti, fl-aħħar tal-2014 ġie maqbul li l-pajjiżi membri għandhom jiffukaw fuq tnejn li huma r-Roam-Like-At-Home u n-net neutrality.

F'dan l-isfond il-Kummissarju ġdid Oettinger, fis-sigħat li għaddew stieden lis-Segretarju Parlamentari Dr. Jose’ Herrera biex ikun jaf aktar dwar il-pożizzjoni tal-Gvern Malti.

Is-Segretarju Parlamentari spjega li l-Gvern Malti jaqbel u li meta persuna tkun qed tuża s-servizz tal-mobile waqt li tkun tinsab imsiefra f'xi pajjiż iehor tal-EU din tħallas l-istess rati daqs li kieku qed tuża s-servizz f'pajjiżha stess. "Dan huwa tajjeb għall-konsumatur u għall-ekonomija", tenna Herrera. Madanakollu biex naslu s'hawn, huwa spjega li hemm għadd ta' problemi li jridu jiġu megħluba fosthom r-rati whole sale tar-roaming li operaturi jiċċarġjaw lill-operaturi oħrajn, liema rati għadhom kemxejn għoljin meta mqabbel mar-rati domestiċi.

"Malta jinteressha u trid taħdem biex ir-rati jkomplu jorħsu imma dan għandu jkun b'mod sostenibli. Fil-passat riċenti ċ-ċittadini, in-negozji u l-ekonomija inġenerali gawdiet mit-traħħis tat-tariffi fuq l-użu tal-mobile. Issa wasal iż-żmien li nagħmlu pass ieħor ħalli nkomplu nraħsu dawn it-tariffi ħalli b'hekk tabilħaqq ikollna suq wieħed u liberu minn kwalunkwe xkiel bejn il-fruntieri. Għalhekk it-tariffi għal ħlasijiet ta' roaming daqs li kieku wieħed qiegħed f'pajjiżu stess għandhom jiġu implimentati malajr kemm jista' jkun bi pjan li ma jgerrix l-investiment li għamlu u jridu jagħmlu l-operaturi privati. Għalhekk naqbel li fil-futur qarib il-konsumaturi li jkunu qed jużaw ir-roaming jiġu ċċarġjati t-tariffi domestiċi flimkien ma' surcharge żgħira li tagħmel tajjeb għall-ispejjeż addizjonali li jrid jagħmel l-operatur biex jipprovdi s-servizz lill-klijent tiegħu barra l-pajjiż. Dan għandu jwassal biex fil-futur qarib il-konsumatur jibda jesperjenza traħħis drastiku fil-kontijiet tiegħu", tenna s-Segretarju Parlamentari.

Fuq in-net neutrality s-Segretarju Parlamentari qal li dawk li jużaw l-internet għandhom jingħataw aċċess liberu u ħieles minn kull xkiel li xi operaturi jistgħu jpoġġu fuq il-klijenti tagħhom għal raġunijiet kummerċjali. "Għalhekk kwalunke intervent leġislattiv għandu jara li ma jostakolax  il-kompetizzjoni jew inaffar l-innovazzjoni", tenna s-Segretarju Parlamentari.

Is-Segretarju Parlamentari fakkar li Malta tinsab fuq ta' quddiem fejn jidħol l-aċċessibilita’ u l-użu tal-internet u l-ICT. Huwa qal li bħalissa qed jaħdem biex f'Malta jkollna charter li jirrispetta d-drittiijiet u d-dmirijiet tal-persuna diġitali, li hija t-tielet forma ta' persuna wara dik umana u morali (bħall-kumpanija).

Għal din l-ewwel laqgħa informali mal-Kummissarju Oettinger u l-Presidenza Latvjana, is-Segretarju Parlamentari kien akkumpanjat mis-Segretarju Privat tiegħu Dr Charlon Gouder.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow