IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU INIEDI ‘SHIPWRECK’ F’BIRKIRKARA - PROĠETT KO-FINANZJAT MILL-UNJONI EWROPEA TAĦT L-ISKEMA GĦAL PROĠETTI TURISTIĊI SOSTENIBBLI MINN INTRAPRIŻI
“Il-Gvern qed jaħdem biex kull lokalità f'pajjiżna tieħu parti mill-benefiċċju ekonomiku li qed iġib it-turiżmu.”
Il-Ministru għat-Turiżmu Dr. Edward Zammit Lewis illum nieda proġett li jismu ‘Shipwreck’, filmat li jitkellem dwar esperjenza unika u għażiża għalina l-Maltin, jiġifieri n-nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta.
Il-Ministru Zammit Lewis semma’ kif dan il-proġett sewa aktar minn €376,000 u li 50% minnhom kienu ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea taħt l-iskema għal proġetti turistiċi sostenibbli minn intrapriżi u li ġiet imħaddma mill-Ministeru għat-Turiżmu. Il-Ministru Zammit Lewis spjega li din l-iskema ġiet iffinanzjata taħt il-Fond Reġjonali Ewropew – ‘L-Ewropa tinvesti fil-futur tiegħek’. B’dan l-investiment se nsaħħu l-wirt kulturali reliġjuż li nafu li huwa għani ħafna f’pajjiżna, b’madwar 365 knisja u kappella mimlija arti, kapolavuri u arkitettura minn nies ta’ fama internazzjonali kemm Maltin kif ukoll barannin. Il-Ministru Zammit Lewis żied jgħid li proġett bħal dan huwa proġett turistiku kulturali reliġjuż, apparti li hu wkoll proġett soċjali u tradizzjonali għax jidħol fl-etnika tal-ħajja Maltija u jesplora avveniment li kien wieħed mill-aktar punti kruċjali tal-istorja tagħna.
Hawnhekk il-Ministru għat-Turiżmu Dr. Edward Zammit Lewis qal li n-niċċa tat-turiżmu reliġjuż hija importanti ħafna għal pajjiżna; niċċa illi qed tikber aktar ma jgħaddi ż-żmien u li forsi għadna ma sfruttajniex il-potenzjal massimu tagħha fil-passat. Fl-2013, 0.4% ta’ dawk li żaruna indikaw illi r-reliġjon jew pellegrinaġġ kienet waħda mir-raġunijiet għalfejn ġew hawn, kif ukoll illi 65.8% ta’ dawk li jżuruna iżuru xi knisja jew kappella f’Malta.
Il-Ministru għat-Turiżmu Dr. Edward Zammit Lewis għalaq billi tenna l-importanza ta’ dan il-proġett partikolari għaliex sar fil-lokalità ta’ Birkirkara, lokalità illi mhux normalment assoċjata mat-turiżmu. Hu kkonkluda; “Il-ħidma tal-Gvern li nwessgħu ż-żoni turistiċi qed issir b’impenn sabiex niżguraw illi l-introjtu mis-settur turistiku jkun ta’ benefiċċju għal kulħadd f’pajjiżna.”
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046