Left arrow Go Back

IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU EDWARD ZAMMIT LEWIS IŻUR IL-KWARTIERI ĠENERALI TAL-WORLD TOURISM ORGANISATION (WTO) F’MADRID

pr150098
Date Icon 20/01/2015

Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis żar l-uffiċini tal-World Tourism Organisation (WTO) f’Madrid, Spanja, fuq stedina li kienet saritlu minn Dr. Taleb Rifai Segretarju Ġenerali tal-istess organizzazzjoni xi ftit xhur ilu. Il-WTO hija l-aġenzija tal-Ġnus Magħquda speċjalizzata fuq it-turiżmu dinji. L-għan ta' din iż-żjara saret sabiex jissaħħu r-relazzjonijiet ma’ din l-organizzazzjoni u għalhekk Malta tersaq aktar lejn turiżmu sostenibbli, tibqa’ ttejjeb il-prodott tagħha u tfassal pjani sabiex aktar żgħażagħ jitħajru jieħdu t-turiżmu bħala l-vokazzjoni tagħhom. Ser jibqa’ jkun hemm kuntatt regolari fuq il-livelli kollha b'mod regolari.

Dr. Rifai faħħar ħafna s-settur turistiku f' Malta, fejn il-figuri qabżu l-figura medja ta' tkabbir għal dan is-settur. Barra minn hekk, ġie miftiehem illi l-WTO ser tgħin lill-Ministru għat-Turiżmu fit-tfassil tal-politika u viżjoni għal dan is-settur, li ser tkun qed tiġi konkluża sal-aħħar tax-xahar ta' Marzu 2015. Il-WTO ser tkun qed tgħin lil Malta biex tippenetra aktar swieq ġodda barra mill-Ewropa bħaċ-Ċina, Indja u l-Istati Uniti tal-Amerika.

It-Themis Foundation, li hija l-fergħa edukattiva tal-WTO, ser tkun qed tgħin lill-Istitut tal-Istudji Turistiċi bi programm intiż biex jissaħħaħ dak li qiegħed isir.

Il-Ministru Zammit Lewis irrefera għal Global Code of Ethics for Tourism li nediet il-WTO u kkonferma l-impenn ta' Malta li tara li l-liġijiet, regolamenti u prattiċi huma konformi ma' dan.

Il-Ministru Edward Zammit Lewis laqa’ stedina ta' Dr. Rifai sabiex jakkumpanjah fuq il-kampus tal-Università prestiġjuża IE Business School f’Madrid fejn ġie diskuss flimkien mal-istudenti, l-valur tat-turiżmu mhux biss bħala mutur ekonomiku, iżda wkoll bħala aġent ta' bidla fid-dinja.

Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis kien akkumpanjat mill-Ambaxxatur Malti għal Spanja Mark Micallef, il-Mibgħut Speċjali għall-WTO Joe Grima, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Paul Buġeja u d- Direttur fi ħdan l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Leslie Vella.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow