Left arrow Go Back

​F’SANTA VENERA: EŻEMPJU ĊAR TA’ KOLLABORAZZJONI BIL-FATTI BEJN SITT IBLIET U RĦULA EWROPEJ FIL-QASAM AMBJENTALI

PR150092
Date Icon 19/01/2015

Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Dr Stefan Buontempo indirizzaw lis-Sindki u ftit anqas minn erbgħin rappreżentant minn ħames Kunsilli Lokali minn madwar l-Unjoni Ewropea li għadhom kemm iffirmaw ftehim ta’ ġemellaġġ mal-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera. Dawn il-lokalitajiet huma dawk ta’ Kastori (Greċja), Lousa (Portugall), Ville de Bram (Franza) u Siderno u Locride (Italja).

Dan il-ġemellaġġ sar bħala parti mill-programm “Little Big Things in Europe and in Our Local Communities” proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea li l-għan ewlieni tiegħu huwa dak li diversi Kunsilli Lokali minn madwar l-Ewropa jingħaqdu flimkien u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom sabiex ikomplu jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom.

Il-Ministru Leo Brincat qal li l-laqgħa tal-lum tmur lil hinn minn sempliċi okkażjoni simbolika tat-tħawwil tas-siġar. Dan għax tipprovdi eżempju ċar ta’ kollaborazzjoni bil-fatti bejn bliet u rħula speċifiċi Ewropej fil-qasam ambjentali fost oqsma oħrajn li jinkludu wkoll l-iżvilupp sostenibbli.

Il-Ministru kompla jgħid li ġemellaġġ bħal dan juri kif passi żgħar iżda sinifikattivi kapaċi jwasslu messaġġ kbir u qawwi, li jqajjem kuxjenza akbar dwar il-kollaborazzjoni ambjentali u soċjo- ekonomika bejn għadd ta’ bliet u rħula Ewropej, kif ukoll dwar kif għandna naħdmu fid-dinja globalizzata llum bħala għarfien tal-interdipendenza tagħna lkoll.

Il-Ministru Brincat temm jgħid li filwaqt li fil-jiem li ġejjin il-Ministeru se jkun qed jiftaħ kuntatti ma’ ħames Kunsilli Lokali oħra Maltin u Għawdxin,  ħalli jkompli jestendi l-proġett pilota favur it-tħaddir tal-kommunitajiet permezz tal-Kunsilli Lokali b’fondi tal-Ministeru tal-Ambjent innifsu, huwa pjaċir tiegħu li jħabbar li b’kollaborazzjoni mas-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali aktar tard dan ix-xahar se jkunu qed jorganizzaw seminar purament edukattiv u informattiv dwar l-iżvilupp sostenibbli mmirat speċifikament għall-Kunsilli Lokali Maltin u Għawdxin ħalli l-kunċett tal-iżvilupp sostenibbli jkompli jinfirex u jiġi deċentralizzat.

Is-Segretarju Parlamentari Dr Stefan Buontempo tkellem fuq l-importanza ta’ proġetti bħal dawn, proġetti li fi kliemu jkomplu jgħinu sabiex isaħħu wieħed mill-aktar valuri importanti Ewropej, dak li ndaħħlu l-aqwa prattiċi possibbli sabiex inkomplu noħolqu aktar ġid fost il-kommunitajiet tagħna b’ ħidma fuq l-aspett ekonomiku, soċjali kif ukoll dak artistiku.

Dr Stefan Buontempo tkellem ukoll fuq il-ħidma tal-Gvern Malti fil-qasam tal-governanza lokali, ħidma mmirata sabiex tkompli tressaq il-Kunsilli Lokali tagħna aktar viċin iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Tkellem ukoll fuq il-ħidma tal-Gvern li hija mmirata sabiex matul iż-żmien li ġej tagħmel mill-Kunsilli Lokali istituzzjonijiet li jkunu aktar finanzjarjament sostenibbli.

Is-Segretarju Parlamentari għalaq billi awgura lill-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera kull suċċess f’dan il-proġett filwaqt li appella sabiex aktar Kunsilli Lokali japprofittaw minn Fondi Ewropej, fondi li bħal f’dan il-każ, jistgħu jwasslu sabiex ikomplu jsaħħu s-solidarjetà bejn kommunitajiet differenti Ewropej, solidarjetà li fi kliemu tista’ twassal għall-ħolqien ta’ aktar ġid u prosperità fl-ibliet u l-irħula tagħna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow