IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI STEFAN BUONTEMPO JATTENDI GĦAĊ-ĊERIMONJA TAL-PREMJAZZJONI TAL-KOMPETIZZJONI FOTOGRAFIKA TAD-DIPARTIMENT TAL-INFORMAZZJONI
Il-Gvern huwa kommess li l-fotografija tibqa’ parti ċentrali tal-politika artistika. Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo waqt li attenda għall-premjazzjoni tal-kompetizzjoni tal-fotografija organizzata mid-Dipartiment tal-Informazzjoni. Dr Buontempo żied li minkejja li kulħadd jista’ jieħu ritratt, ftit huma dawk li għandhom il-kapaċità jieħdu ritratt b’mod kreattiv u oriġinali.
Din il-kompetizzjoni kienet mifruxa fuq għaxar xhur, minn Frar sa Novembru 2014. Kull xahar, id-Dipartiment ħabbar tema differenti għall-kompetizzjoni. Dan ifisser li l-kompetituri kellhom l-opportunità li jipparteċipaw iktar minn darba u li jibagħtu ritratti differenti kull xahar. Matul il-kompetizzjoni, id-Dipartiment irċieva ‘l fuq minn ħdax-il elf ritratt. F' Mejju, meta t-tema kienet Il-Kosta Maltija, id-Dipartiment rċieva l-akbar ammont ta' ritratti - 3086.
Il-kompetizzjoni fotografika tal-2014 kienet ir-raba’ kompetizzjoni organizzata mid-Dipartiment tal-Informazzjoni. Għall-ewwel darba, il-medja soċjali, speċjalment il-paġna tad-Dipartiment fuq Facebook, kienet parti integrali tal-kompetizzjoni. Il-pubbliku kien mistieden jipparteċipa fil-kompetizzjoni billi jqiegħed ir-ritratti fuq Facebook, Instagram jew Twitter. Din il-preżenza online qawwija ġiegħlet biex il-kompetizzjoni sservi ta’ promozzjoni kemm għal Malta kif ukoll għad-Dipartiment u s-servizzi kollha tal-Gvern. Dan minħabba li l-parteċipanti baqgħu jsegwu l-paġna tad-Dipartiment anke wara li spiċċat il-kompetizzjoni.
Ir-ritratti rebbieħa jinstabu fuq https://www.facebook.com/DOImalta
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046