STQARRIJA MID-DIPARTIMENT TAS-SAĦĦA
Id-Dipartiment tas-Saħħa, għal numru ta' snin irċieva bosta appelli minn persuni li jsofru minn intolleranza għall-glutina (Coeliac Disease) sabiex jintroduċi skema ta’ vawċers. Taħt amministrazzjoni precedenti dawn l-appelli kienu waqgħu fuq widnejn torox.
Id-Dipartiment tas-Saħħa issa se jkun qed jipprovdi vawċer ta’ kull xahar lill-individwi intitolati, li permezz tagħhom jistgħu jiksbu varjetà wiesgħa ta’ prodotti bla glutina. Dan il-vawċer se jkun jista’ jinġabar mill-Kunsilli Lokali. Sa issa hemm aktar minn 50 ħanut u spizerija madwar Malta u Għawdex li se jkunu qegħdin jipparteċipaw f’din l-iskema. Id-Dipartiment tas-Saħħa qed jantiċipa li d-dħul ta’ din l-iskema se jinkoraġġixxi lill-importaturi sabiex iwessgħu l-firxa ta’ prodotti bla glutina fis-suq u b’hekk jaffettwa b’mod pożittiv il-prezz ta’ dawn il-prodotti.
Il-valur bażiku tal-vawċer se jkun ta’ €30 kull xahar, filwaqt li persuni bil-Kartanzjan, pensjonanti jew dawk bil-Karta r-Roża se jibbenefikaw minn vawċer ta’ €50 kull xahar. Dawn iċ-ċifri huma bbażati fuq id-doża kalorifika rakkomandata ta’ kuljum u huma konformi mal-iskema tar-Renju Unit. Din l-iskema se tara li persuni li jbatu minn Coeliac Disease jkollhom aċċess għal firxa wiesgħa ta’ prodotti bla glutina li jolqtu l-gosti individwali u d-dieta tagħhom. Id-Dipartiment tas-Saħħa se jkun qed iwettaq awditjar tal-iskema matul l-ewwel xhur mid-dħul tagħha.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046