JIBDA GĦALL-EWWEL DARBA S-SERVIZZ TA’ KURA FIT-TUL GĦALL-ANZJANI F’GĦAWDEX
10 sodod għall-kura fit-tul għall-anzjani f’Villa San Lawrenz
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana ħabbret li l-Gvern xtara għaxar sodod bl-iskema tal-Public Private Partnership sabiex jindirizza l-problema tal-każijiet soċjali fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Hija qalet li l-Gvern jagħraf il-problema li hemm fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex minħabba każijiet soċjali, u jagħraf ukoll li għal snin sħaħ kienet tiġi użata prattika ħażina biex jiġu mistura waiting lists għal servizzi residenzjali. Hija qalet li permezz ta’ din il-prattika, anzjani li kienu qed jitolbu servizzi residenzjali bdew jitpoġġew jistennew fl-iswali tal-isptar, li ripetutament kien qed ikun kawża ta’ iffullar.
Dr Caruana sostniet li għalhekk is-Segretarjat Parlamentari tagħha qiegħed jieħu l-inizjattiva sabiex jindirizza din il-problema, billi għall-ewwel darba jibda joffri servizzi ta’ kura fit-tul f’dar residenzjali f’Għawdex. Il-Gvern, bi ftehim mal-amministrazzjoni ta’ Villa San Lawrenz qiegħed joffri dawn is-servizzi bl-istess mod kif inhuma offruti f’Malta fuq skema tal-Public Private Partnership.
Dan sar ukoll minħabba l-fatt li, kif qalet il-Union għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN), il-każijiet soċjali fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex kienu qegħdin jiżdiedu. Għalhekk ġew mixtrija dawn is-sodod mis-Segretarjat Parlamentari bħala l-entità responsabbli mis-servizzi residenzjali għall-anzjani fuq bażi nazzjonali.
Is-Segretarju Parlamentari ħabbret li fiż-żmien li ġej mistennija jkomplu jiżdiedu s-servizzi għall-anzjani f’Għawdex minħabba li hemm nuqqas kbir ta’ servizzi. Fil-fatt, fl-14 ta’ Jannar, beda uffiċjalment is-servizz ta’ Respite f’Għawdex.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046