IL-BIEDJA ORGANIKA: LEJN KWALITÀ TAL-ĦAJJA AĦJAR U AKTAR SOSTENIBBLI
Diskors tal-ftuħ tas-seminar ‘Malta se tuża l-potenzjal tal-PAK 2014-2020 biex ittejjeb il-biedja organika?’ mill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat, organizzat mill-MOAM
Il-biedja organika hija ferm aktar minn sempliċi sistema ta’ produzzjoni agrikola għax tiġbor fi ħdanha triq li tista’ twassal għall-kwalità tal-ħajja aħjar u aktar sostenibbli.
Dan aktar u aktar għaliex hija msejsa fuq sistema ħolistika ta’ produzzjoni li tevita l-użu ta’ fertilizzanti sintetiċi, pestiċidi u anki GMOs.
Din mhix biss il-fehma tiegħi iżda dik tal-FAO innifisha - l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Ikel.
L-aspetti pożittivi tagħha huma varji.
Mill-aspett pożittiv fuq il-kwalità tal-ħamrija għall-ħarsien tal-fertilità tal-istess ħamrija fit-tul, il-ħarsien tal-kwalità tal-ilma kif ukoll għat-tisħiħ tal-bijodiversità.
Il-biedja organika tgħin ukoll għal dak li kienet qed tħeġġeġ dwaru l-Kummissjoni Ewropea nnifisha – dik li tissejjaħ l-ekonomija ċirkolari (circular economy) billi tirriċikla skart tal-pjanti u tal-annimali u hekk titfa’ lura n-nutrijenti tagħhom fl-art innifisha, u b’hekk tnaqqas sewwa l-użu tar-riżorsi li m’humiex rinnovabbli.
Meta tkun qed tippromwovi l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, il-biedja organika tkun qed tnaqqas ukoll it-tniġġiż mill-gassijiet serra billi tgħin kemm fil-mitigazzjoni u anki l-addattazzjoni għat-tibdil tal-klima.
Iżda għalkemm jidher li hemm kunsens wiesa’ u ġenerali li l-prattiċi tal-biedja organika jipprovdu mezz kif jiżguraw is-sostenibbilità fit-tul, inkun qed nonqos jekk nagħżel li npoġġi fil-ġenb ċerti kunsiderazzjonijiet li ma jistgħux jitwarrbu.
Ħafna drabi, il-prodotti organiċi jistgħu jiswew aktar biex jiġu prodotti minn dawk konvenzjonali.
Biex jippenetraw sew is-suq lokali, tenħtieġ kampanja pubbliċitarja intensiva biex tiżgura li jkun hemm domanda biżżejjed għall-prodott li fih innifsu għandu ħajja qasira f’dik li hija magħrufa bl-Ingliż bħala shelf life.
Il-kampanja pubbliċitarja fis-suq innifsu ġġib magħha spejjeż addizzjonali.
Għalkemm jista’ jkun hemm minoranza mdaqqsa li tinsab lesta li tħallas prezzijiet ogħla għall-prodott li huwa itjeb u inqas perikoluż għas-saħħa, dan is-settur irid jiġi kkultivat f’mod meqjus u ffukat.
Jekk il-konsumaturi ser jagħżlu li jmorru għall-prodott li jiswa aktar jenħtieġ li jkunu mgħallma li l-kwalità, it-togħma u anki d-dehra tal-prodotti organiċi hija itjeb mill-prodotti konvenzjonali.
F’pajjiż bħal tagħna, il-fattur tal-economies of scale ma jistax jiġi injorat faċilment.
Fl-istess waqt, għandna nkunu kuraġġużi biżżejjed li nfittxu f’mod għaqli u professjonali swieq ġodda barranin għal dawn il-prodotti, aktar u aktar billi l-klima tagħna taf tippermettielna nipproduċuhom saħansitra meta f’pajjiżi oħrajn jafu jkunu barra mill-istaġun tagħhom.
Jekk jirnexxielna nagħmlu dan, inkunu qed negħlbu l-isfida tal-prezzijiet premium li jġib miegħu dan is-settur, kif ukoll l-ispejjeż ogħla tal-produzzjoni ta’ prodotti minn dawn.
Irridu nżommu f’moħħna li dan imur lil hinn mis-sempliċi applikazzjoni ta’ teknoloġija agrikola, iżda huwa aktar ibbażat fuq metodu differenti ta’ kif wieħed għandu jew jista’ jagħmel il-kummerċ u n-negozju.
Ninsabu lkoll fid-dmir ukoll li naraw sewwa sew x’konklużjonijiet addottat l-Unjoni Ewropea nnifisha fil-livell ta’ Kunsill dwar il-ġejjieni tal-biedja organika.
Speċjalment, fejn jidħlu miżuri speċifiċi għall-ħarsien tar-reputazzjoni tas-settur kif ukoll f’mod li jindirizza l-aspettattivi tal-konsumaturi nfushom.
L-aspett tal-armonizzazzjoni tal-applikazzjoni fost l-Istati Membri tal- Unjoni Ewropea dwar il-mod kif dawn il-prodotti għandhom jiġu regolati.
Kif ukoll, li jkun hemm proċeduri robusti dwar l-importazzjoni li ma jpoġġux f’qagħda żvantaġġjuża lill-operaturi Ewropej f’dan il-qasam.
Huwa f’dan il-kuntest li għadd ta’ organizzazzjonijiet saħqu bir-raġun favur sistema effiċjenti ta’ kontroll li torbot magħha l-kredibilità taċ-ċertifikazzjoni organika tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-fiduċja tal-konsumatur innifsu.
Li jimlina bil-kuraġġ huwa li fl-Ewropa nnifisha d-domanda tal-konsumatur għall-prodotti organiċi qiegħda dejjem tikber – dan ukoll f’pajjiżi terzi.
Tajjeb li apparti l-kuntest fi ħdan l-Unjoni Ewropea naraw ukoll kif żviluppat u qed tkompli tiżviluppa l-biedja organika fir-reġjun tal-Mediterran.
F’ħafna każi, il-mutur ewlieni kienu kumpaniji privati barranin li, imħeġġa mit-tkabbir tas-suq għall-ikel organiku fl-Ewropa, kienu qed ifittxu opportunitajiet ġodda ta’ investiment.
Biex dan il-proċess ikompli jirranka, huwa meħtieġ li jkollna statistika u tagħrif mill-aktar aġġornat dwar l-iżvilupp f’settur li dejjem se jkun wieħed ta’ sfida għalina lkoll.
Fil-kuntest tal-Mediterran, wieħed irid bilfors iżomm f’moħħu wkoll l-identità u l-partikolaritajiet speċifici tal-biedja organika tar-reġjun.
Aktar ma jinżamm għoli l-livell tal-prodotti bit-tikketta organika, aktar tikber il-fiduċja tal- konsumaturi nfushom.
B’hekk, jirbaħ il-bidwi. Tirbaħ il-biedja. Tirbaħ l-ekonomija. U jirbaħ il-konsumatur.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046