Left arrow Go Back

STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-GVERN TA' MALTA

pr150078
Date Icon 16/01/2015

It-tieni l-inqas rata ta’ inflazzjoni annwali fl-istorja riċenti ta’ pajjiżna

Analiżi tal-kejl tal-inflazzjoni għas-sena 2014, hekk kif maħruġ din il-ġimgħa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, turi li matul l-2014 pajjiżna kellu t-tieni l-inqas rata annwali ta’ inflazzjoni reġistrata mindu l-NSO bdiet tagħmel dan il-kejl kważi għoxrin sena ilu, jiġifieri 0.8%. Kien biss fl-2007 li pajjiżna kellu rata naqra inqas, 0.7%.

Tul l-amministrazzjoni preċedenti, ir-rata medja ta’ inflazzjoni annwali kienet ta’ 2.8%, jew aktar minn tliet darbiet ikbar mir-rata osservata matul l-2014. Fl-aħħar sena tal-Gvern preċedenti, l-inflazzjoni f’Malta kienet saħansitra laħqet it-3.2%, jew erba’ darbiet aktar mill-inflazzjoni reġistrata fl-2014.

Din kienet it-tieni sena konsekuttiva meta l-inflazzjoni f’Malta nżammet f’livelli baxxi. Matul l-2013 pajjiżna kellu rata ta’ inflazzjoni ta’ 1% biss, jew tliet darbiet inqas mill-inflazzjoni fl-aħħar sena tal-Gvern preċedenti.

Il-politika tal-Gvern preżenti kienet ir-raġuni ewlenija għalfejn Malta kellha rata ta’ inflazzjoni baxxa kemm matul l-2013 kif ukoll matul l-2014. Fl-aħħar leġislatura, l-indiċi tal-prezzijiet tal-ilma, elettriku, gass u fuels kienu ogħla minn 110.5 fl-2007 għal 146.8 fl-2012, jiġifieri żieda fil-prezzijiet ta’ 33%. Taħt Gvern ġdid, l-indiċi ta’ dawn il-prezzijiet waqa’ minn 146.8 fl-2012 għal 138.8 fl-2014, jew roħs fil-prezzijiet ta’ aktar minn 5%.

Filwaqt li l-Gvern preċedenti għabba lill-familji b’żieda ta’ terz fil-prezz tal-prodotti essenzjali tad-dawl, ilma, gass u fuels, il-Gvern preżenti naqqas il-piż b’5%. Permezz ta’ dan ir-roħs, il-familji setgħu jieħdu n-nifs. Dan joħroġ bl-aktar mod ċar mill-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea li juru li, filwaqt li taħt l-amministrazzjoni preċedenti kważi żewġ terzi ta’ dawk intervistati kienu jqisu l-inflazzjoni bħala l-akbar problema għall-familja tagħhom, dan il-proporzjon issa naqas bin-nofs.

Il-Gvern se jibqa’ kommess li b’ħidmietu jkompli jnaqqas il-piżijiet għall-familji tagħna u jipprattika politika ekonomika bbażata fuq l-ottimiżmu u d-dinamiżmu tal-poplu Malti u Għawdxi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow