PASS IEĦOR FAVUR L-AMBJENT: SKEMA ĠDIDA FEJJIEDA DWAR IL-ĠBIR TAL-ĦĠIEĠ BIEB BIEB
Meta dalgħodu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, Leo Brincat, flimkien mas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali Dr Stefan Buontempo, attenda t-tnedija ta’ inizjattiva tal-Green MT dwar il-ġbir tal-ħġieġ bieb bieb minn 17-il Kunsill Lokali f’Malta, li magħhom il-kumpanija għandha ftehim fejn jidħol ġbir ta’ skart riċiklabbli, il-Ministru Leo Brincat sejjaħ din l-inizjattiva skema ġdida fejjieda li hija fiha nnifisha pass ieħor favur l-ambjent.
Il-Ministru Brincat qal li filwaqt li jawgura li fil-ġejjieni l-pass li jmiss għandu jkun li tingħata spinta lir-riċiklaġġ tal-ħġieġ fuq skala nazzjonali, it-tagħlima li għandha tittieħed mill-esperimenti li saru sal-lum dwar il-ġbir tal-fliexken tal-ħġieġ hija li l-pubbliku għandu jiġi mgħarraf kontinwament u fuq bażi regolari meta jkun ser isir ġbir simili – permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni użati mill-Kunsilli Lokali nfushom, mill-operaturi tal-iskemi u idealment anki permezz ta’ text messages u tas-social media. Għalkemm hija inizjattiva tajba li l-pubbliku jingħata kalendarju ta’ darba dwar ġbir simili, dan waħdu jista’ jwassal għal tweġiba anqas effettiva min-naħa tal-pubbliku għal inizjattivi fejjieda simili.
Huwa kompla li l-bżonn ta’ qabża fl-impenn u fil-kwalità f’dan il-qasam huwa kkonfermat mill-fatt li l-figuri juru ċar li, bejn is-sena 2012 u dik li għadha kif intemmet, l-akbar sors għall-ġbir tal-ħġieġ sal-lum kienu l-Bring In Sites infushom.
Il-Ministru Brincat temm jgħid li għaldaqstant hemm bżonn sforzi dejjem akbar, li huwa jinkoraġġixxi bil-kbir, biex dawn l-isforzi jħallu r-riżultati mixtieqa.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali, Dr Stefan Buontempo, qal li wieħed ma jista’ qatt jaħdem favur żvilupp sostenibbli jekk ma jibdiex il-proġett tiegħu minn bażi lokali. Għalhekk sostna li l-Kunsilli Lokali għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Gvern favur livelli ogħla ta’ riċiklaġġ.
Sostna li bħala Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali, flimkien mal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, qed iwettaq ħidma kbira sabiex dejjem tingħata għajnuna lill-kunsilli lokali sabiex ikunu jistgħu jaħdmu favur ambjent aktar b’saħħtu.
Is-Segretarju Parlamentari, Stefan Buontempo qal li l-importanza tar-riċiklaġġ tal-ħġieġ għandha dejjem tingħata aktar importanza hekk kif dan huwa riżors naturali li huwa mija fil-mija riċiklabbli u d-domanda għal dan ir-riżors iriċiklat hija waħda kbira ħafna. Saħaq li għalhekk li importanti li nkomplu nippromwovu inizjattivi bħal dawn li jkomplu dejjem inisslu sens ta’ dover fost ir-residenti sabiex jipparteċipaw aktar f’dawn l-inizjattivi ta’ riċiklaġġ.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046