IL-MEUSAC INIEDI S-SENA EWROPEA GĦALL-IŻVILUPP 2015
Id-Dinja tagħna, Id-Dinjità tagħna, Il-Ġejjieni tagħna
Ilbieraħ tnediet mill-MEUSAC is-Sena Ewropea għall-Iżvilupp 2015 f’Malta. Waqt li matul is-sena se jsiru attivitajiet fuq livell Ewropew, il-MEUSAC se jkun responsabbli mill-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet li se jsiru f’Malta biex jikber l-għarfien dwar l-għajnuna tal-Unjoni Ewropea (UE) lill-pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw.
Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli tkellmet dwar din is-Sena bħala opportunità, kemm biex l-UE turi li tħares ’il barra minnha u wkoll biex iċ-ċittadini tagħha ma jħarsux lejn l-għajnuna għall-iżvilupp bħala att ta’ karità jew ħniena, imma bħala t-twettiq fil-prattika tal-valuri tal-UE: ir-rispett għad-dinjità u d-drittijiet tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija u l-ugwaljanza.
Il-Ministru Helena Dalli fissret kif din is-sena l-Ministeru se jkompli jsaħħaħ l-irwol tal-MEUSAC li jqarreb lill-UE lejn iċ-ċittadini u lejn is-soċjetà civili, filwaqt li tenniet l-impenn tal-Gvern li jkompli joffri spazju biex is-soċjetà ċivili jkollha sehem akbar fit-tfassil tal-politika nazzjonali kif ukoll dik Ewropea.
Il-Kap tal-MEUSAC, Dott. Vanni Xuereb spjega r-raġuni li għaliha l-UE din is-sena għażlet it-tema tal-iżvilupp minħabba li sal-2015 kellhom jitwettqu l-Miri tal-Millennju għall-Iżvilupp (Millennium Development Goals), ewlenija fosthom il-qerda tal-faqar estrem u l-ġuħ. Dott. Xuereb spjega wkoll kif l-attivitajiet tas-Sena Ewropea f’Malta se jiżvolġu madwar tema differenti għal kull xahar magħżula mill-UE, biex iċ-ċittadini jkunu infurmati dwar fejn u kif tiġi investita l-għajnuna tal-UE lill-pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw.
Għanijiet oħra tal-UE għal din is-sena huma li ċ-ċittadini jsiru jafu aktar dwar ir-riżultati tal-UE bħala attur globali, li jiżdied l-interess attiv taċ-ċittadini Ewropej fil-koperazzjoni għall-iżvilupp, u li jikber l-għarfien li l-koperazzjoni għall-iżvilupp isservi ta’ ġid, kemm għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u kif ukoll għaċ-ċittadini Ewropej.
Fost it-temi u l-attivitajiet prinċipali li se jkun qiegħed iwettaq il-MEUSAC matul is-sena hemm is-saħħa, in-nisa, l-iżvilupp sostenibbli u l-edukazzjoni għall-iżvilupp, bl-attivitajiet ivarjaw minn konferenza għal dibattiti u kampanji fuq il-mezzi tal-midja. Kull attività se tkun qed tolqot kategorija jew kategoriji partikolari ta’ nies, fosthom it-tfal, in-negozji u ż-żgħażagħ.
L-għan aħħari tal-MEUSAC bħala kordinatur tas-Sena Ewropea għall-Iżvilupp f’Malta hu li dawn l-attivitajiet ikabbru l-għarfien taċ-ċittadini dwar suġġetti marbuta mal-iżvilupp u li jħeġġiġhom jinvolvu lilhom infushom aktar fid-diskussjoni u fl-azzjoni.
Preżenti għal din it-tnedija attendew ukoll is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Affarjiet Barranin Fiona Formosa u diversi msieħba oħra fosthom Solidarjetà u Koperazzjoni (SKOP), ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU), il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija u l-Malta Business Bureau (MBB).
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046