IL-MINISTRU GĦALL-EKONOMIJA, INVESTIMENT U INTRAPRIŻI ŻGĦAR F’LAQGĦA MA’ DELEGAZZJONI MILL-OMAN BIEX JIDDISKUTU POSSIBBILTÀ TA’ INVESTIMENT F’MALTA
F’laqgħa bejn il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Dr. Chris Cardona u delegazzjoni mill-Oman, li bħalissa qegħda Malta, kienet diskussa l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi u l-possibbiltajiet ta’ investiment f'Malta. Din id-delegazzjoni, li tinsab pajjiżna għal żjara ta' jumejn, hija mmexxijja mill-Kap Eżekuttiv tal-Bank Muscat, Abdul Razak Ali Issa, u tinkludi rappreżentanti minn diversi entitajiet u istituzzjonijiet finanzjarji.
Waqt il-laqgħa mad-delegazzjoni, il-Ministru Chris Cardona ta perspettiva tal-ekonomija Maltija u semma kif kemm l-Aġenzija ta’ Kreditu Internazzjonali kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jirrikonoxxu kif it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna jiżboq sew lil dak ta’ pajjiżi oħra Ewropej fiż-żona Ewro.
Dr. Chris Cardona rrefera għal strateġiji ġodda li qed jaħdem fuqhom il-Gvern Malti biex ikompli jippromwovi lill-pajjiżna bħala ċentru għall-investiment fil-Mediterran, bħal Trade Malta li hija eżempju eċċellenti ta' public/private partnership, b’kooperazzjoni bejn il-Gvern u l-Kamra tal-Kummerċ.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank Muscat, Abdul Razak Ali Issa qal li huwa kuntent b’dak li ra f’pajjiżna speċjalment bis-suċċess li qegħdin niksbu fis-settur tan-negozji żgħar u medji, u qal li l-iżvilupp tan-negozji żgħar u medji fl-Oman hija waħda mill-għanijiet prinċipali tad-delegazzjoni li bħalissa qegħda żżur pajjiżna. Is-Sur Abdul Razak Ali Issa qal li Malta u l-Oman jistgħu jikkooperaw fuq diversi livelli u f’numru ta’ setturi, inkluż dak tal-enerġija, is-settur marittimu kif ukoll is-settur finanzjarju.
Fil-kummenti ta’ għeluq tiegħu, il-Ministru Cardona qal li x-xewqa ta’ pajjiżna hija dik li b’mod konkret iż-żewġ pajjiżi jaslu fi ftehim biex jinħoloq grupp tekniku, tal-korpi kostitwiti bħall-Kamra tal-Kummerċ ta’ pajjiżna, bil-għan li ż-żewġ naħat ikunu jistgħu jibdew jidentifikaw il-prijoritajiet tagħhom biex b’hekk ikunu jistgħu jitniedu proġetti ta’ investiment li jkunu ta’ benefiċċju għaż-żewġ naħat.
Fir-reazzjoni tiegħu, is-Sur Abdul Razak Ali Issa qal li jaqbel mal-istrateġija li ssuġġerixxa l-Ministru Cardona, filwaqt li stieden lill-Ministru biex imexxi delegazzjoni fl-Oman fil-futur qrib biex iż-żewġ naħat ikomplu jiddiskutu opportunitajiet ta’ investiment bejn l-Oman u Malta.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046