Left arrow Go Back

IR-REGOLATUR DWAR IL-LOGĦOB JIBDEL ID-DEHRA KORPORATTIVA GĦALL-AWTORITÀ MALTIJA DWAR IL-LOGĦOB

pr150052
Date Icon 14/01/2015

F’avveniment li sar illum, tnediet l-identità korporattiva l-ġdida tal-Awtorità Maltija dwar il-logħob (MGA), li se tkun qed tieħu post l-Awtorità dwar il-Lotteriji u l-Logħob (LGA). Il-Preżentazzjoni tal-identità korporattiva l-ġdida u l-logo korporattiv ġdid saret miċ-Chairman eżekuttiv tal-Awtorità, is-Sur Joseph Cuschieri fil-preżenza tal-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Dr Chris Cardona u s-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u Tkabbir Ekonomiku, Dr José Herrera.

Il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Dr. Chris Cardona fisser dan l-iżvilupp bħala tragward ieħor importanti fl-istorja tal-Industrija tal-Gaming f’pajjiżna.

Il-Ministru Cardona qal li b’dan l-eżerċizzju kif ukoll bir-riformi fil-qafas regolatorju, pajjiżna qiegħed jirnexxilu jagħmel dik il-qabża ta’ kwalità. Saħaq li l-għanijiet politiċi jibqgħu dawk li tingħata aktar attenzjoni lill-protezzjoni tal-konsumatur, li jkollna mekkaniżmu regolatorju intelliġenti u proċessi li jippermettu lill-Malta Gaming Authority tirrispondi b’aktar aġilità u tkun aktar effettiva fl-amministrazzjoni ta’ dan is-settur.

“It-tragward tal-lum jixhed ukoll l-għaqal ta’ pajjiż, li għaraf jagħti l-importanza misħoqqa lil settur li f’perjodu ta’ tlettax–il sena stabilixxa ruħu bħala pilastru ewlieni tal-ekonomija Maltija, qed joħloq numru sostanzjali ta’ impjiegi ta’ kwalità, u aċċelera l-iżvilupp ta’ oqsma oħrajn, partikolarment servizzi anċillari bħall-ICT, it-telefonija u servizzi oħra ta’ back office” qal il-Ministru Cardona.

Dr. Chris Cardona qal li hemm diversi sfidi għal dan is-settur, imma l-Industrija tal-Gaming, b’mod simili għall-ekonomija Maltija hija waħda reżiljenti, għaliex hija industrija dinamika, aġli u innovattiva.

“Il-Gvern, bil-politika tiegħu favur in-negozju, irid isostni b’kull mod possibbli dan is-settur, u jsaħħaħ dawk l-aspetti li qed jattiraw lejn il-ġurisdizzjoni Maltija diversi kumpaniji. Din il-pro-enterprise philosophy, filfatt, qed tkun applikata f’diversi setturi ekonomiċi, għaliex l-istrateġija tagħna tibqa’ dik li jkollna ekonomija diversifikata” tenna jgħid il-Ministru Cardona.

Is-Segretarju Parlamentari José Herrera qal li l-eżerċizzju ta' rebranding mhuwiex sempliċiment bidla fl-immaġini, imma mod ġdid ta' kif l-Awtorità regolatarja responsabbli mil-loghob f'pajjiżna qed tirrispożizzjona ruħha fl-industrija tal-lum u ta' għada.

Dr. Herrera qal li b'din il-bidla l-Gvern ser ikun qed iwettaq waħda mit-tlett mizuri imħabbra fil-budget dwar l-industrija tal-logħob. Fakkar li din l-industrija llum hija t-tieni l-akbar industrija wara dik tat-turiżmu u tħaddem magħha mad-disat'elef persuna.

Is-Segretarju Parlamentari Herrera qal li l-Gvern qed jaħdem biex iwettaq wegħda oħra mill-budget: dik li jwaqqaf Gaming Malta li x-xogħol fuqha jinsab fl-aħħar fażijiet tiegħu u mistenni jitħabbar fiż-żmien li ġej. Is-Segretarju Parlamentari qal li din il-bidla qed timmarka paġna gdida fil-ħajja tal-awtorità li tirregola industrija rikonoxxuta lokalment u internazzjonalment għall-kontribut li qed tagħti lil pajjizna fil-qasam ekonomiku.

Iċ-Chairman eżekuttiv tal-MGA, is-Sur Joseph Cuschieri ta ħarsa ġenerali lejn il-valuri fl-isfond tal-branding korporattiv il-ġdid li jikkonsistu minn trasparenza, integrità u responsabbiltà. Qal li din il-bidla tinkludi tiġdid komplut tal-branding korporattiv tal-Awtorità biex tirrifletti aħjar l-isfidi tal-industrija, tiffoka fuq Malta bħala l-ġurisdizzjoni ewlenija u tindika viżjoni ġdida għall-industrija. L-isem u l-logo l-ġodda se jservu ta’ rappreżentazzjoni aħjar tal-istorja tal-Awtorità, suċċessi miksuba, viżjoni u valuri fi ħdan l-aġenda nazzjonali u f’konformità mal-għanijiet strateġiċi tagħha.

Waqt l-avveniment, l-MGA nediet ukoll website ġdida intwittiva tagħha, www.mga.org.mt. Il-website il-ġdida tagħmel użu mill-aħħar żviluppi teknoloġiċi bħad-disinn responsiv tal-web, maħsub biex jagħti l-aqwa esperjenza ta’ użu lill-utenti fuq desktop monitors, laptops, smart phones u tablets. Toffri wkoll opportunità unika lill-ġugaturi biex jikkomunikaw direttament mat-tim tal-Player Support tal-Awtorità permezz tal-faċilità tal-live chat. Flimkien ma’ dan, l-MGA ħabbret ukoll it-tnedija tal-preżenza tagħha fuq il-midja soċjali, permezz ta’ paġni ġodda fuq Facebook u Twitter, kif ukoll paġna ta’ LinkedIn. Il-mezzi tal-midja diġitali se jkunu aġġornati fuq bażi regolari.

Mill-2001, l-LGA kienet l-uniku korp pubbliku regolatorju responsabbli għall-governanza ta' kull forma ta' logħob f’Malta, inklużi: Amusement Machines, Broadcasting Media Games, Casinos, Commercial Bingo Halls, Gaming Devices, il-Lotterija Nazzjonali, Non-Profit Games u Remote Gaming.

Illum, Malta hija waħda mill-ġurisdizzjonijiet ewlenin fir-Remote Gaming, u tospita uħud mill-aqwa operaturi tar-Remote Gaming. Fid-dawl ta’ dawn il-kisbiet, l-MGA se tkompli tirregola b’mod kompetenti s-setturi varji tal-industrija tal-logħob li jaqgħu taħt ir-responabbiltà tagħha billi tiżgura li l-logħob hu ġust u trasparenti għall-plejers, b’hekk tipprevjeni l-kriminalità, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus kif ukoll tipproteġi plejers minuri u vulnerabbli. It-twaqqif tal-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli u l-introduzzjoni ta’ Gaming Malta u l-Akkademja tal-Logħob aktar tard din is-sena se jkomplu jikkonsolidaw il-pożizzjoni ta’ Malta bħala ċentru ta’ eċċellenza. Għalhekk l-MGA se tkompli ttejjeb l-operazzjonijiet tagħha għall-benefiċċju tal-partijiet kollha interessati.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow