Left arrow Go Back

​STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-GVERN TA' MALTA

PR150048
Date Icon 13/01/2015

Konferma oħra li se jintlaħqu l-miri fiskali tal-Gvern

Wara li l-aġenzija internazzjonali Standard and Poor’s ħarġet rapport li fih sostniet li l-Gvern Malti se jilħaq il-miri fiskali tiegħu, illum l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wera kif matul it-tielet kwart tal-2014 kien hemm titjib sostanzjali fid-defiċit. Bejn Lulju u Settembru 2014, id-defiċit naqas għal €29.7 miljun, li jfisser €64.9 miljun anqas mill-istess perjodu tas-sena ta’ qabel. Dan huwa l-inqas livell ta’ defiċit osservat għat-tielet kwart tas-sena mill-2005 ‘l hawn.

Filwaqt li f’pajjiżi oħra qed tirrenja l-awsterità, bi qtugħ fl-ispiża pubblika u żidiet fit-taxxi, is-suċċess fiskali tal-Gvern Malti qed jinkiseb permezz ta’ tnaqqis fit-taxxi u żieda fl-ispiża kapitali. Fl-ewwel disa xhur tal-2014, l-investiment pubbliku żdied għal €176.9 miljun jew 10% aktar mill-ammont li kien intefaq fl-istess żmien tal-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti.            

Ir-rata tal-income tax tnaqqset minn 35% għal 29% f’dan iż-żmien, miżura li suppost wasslet għal tnaqqis fid-dħul tal-Gvern ta’ €27 miljun. Imma l-politika ekonomika tal-Gvern wasslet għal aċċelerazzjoni qawwija fit-ritmu ekonomiku ta’ pajjiżna, tant li minflok naqas id-dħul tal-Gvern, id-dħul fil-fatt żdied bi kważi €190 miljun matul l-ewwel disa’ xhur tal-2014.

L-iżviluppi pożittivi fid-defiċit fiskali qed iħallu l-frott anke fil-livell tad-dejn nazzjonali. Bejn Ġunju u Settembru 2014 kien hemm tnaqqis ta’ €130 miljun. Figuri oħra maħruġa riċentament mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li d-dejn nazzjonali kompla niżel anke fix-xhur ta’ wara.

L-aħħar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li, matul it-tnax-il xahar sa Settembru 2014, id-dejn nazzjonali żdied b’ferm inqas mit-€300 miljun żieda fid-dejn nazzjonali li ġrat matul it-tlett xhur ta’ kampanja elettorali meta l-Oppożizzjoni ta’ llum kienet tmexxi l-finanzi pubbliċi ta’ pajjiżna.

Ir-riżultati miksuba mill-Gvern f’dan il-qasam jikkuntrastaw bil-kbir mal-previżjonijiet li kien u għadu jagħmel il-Kap tal-Oppożizzjoni dwar kif pajjiżna se jkollu jitlob bailout mill-Unjoni Ewropea. Dan jikkuntrasta mat-tbassir li għadha kemm għamlet Standard and Poor’s li, sa tmiem din il-leġislatura, l-Gvern preżenti se jkun ħallas lura ż-żieda fid-dejn nazzjonali li kienet saret mill-amministrazzjoni li fiha l-Kap tal-Oppożizzjoni kien Viċi Kap.

Il-Gvern preżenti jemmen fl-ottimiżmu u dinamiżmu tal-poplu tagħna. Bit-tnaqqis fl-income tax għall-familji u r-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-industrija, pajjiżna se jkompli jiġġenera tkabbir ekonomiku li jissarraf f’titjib fil-finanzi pubbliċi u livell ta’ għajxien aħjar għal kulħadd.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow