STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU
Ir-referendum abrogattiv u l-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali se jsiru is-Sibt 11 ta’ April
Il-Prim Ministru Joseph Muscat, f’konferenza tal-aħbarijiet, ħabbar li d-data għar-referendum abrogattiv se tkun nhar is-Sibt 11 ta’ April.
Fl-istess jum ser issir ukoll l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, minħabba raġunijiet ta’ prattiċità. Din id-data hi l-ewwel okkażjoni mit-tliet xhur żmien li tistabbilixxi l-ligi bejn issa u d-data tar-referendum.
Din id-data tħabbret jum wara li l-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li referendum abrogattiv dwar il-Kaċċa jista’ jsir abbażi tal-petizzjoni ppreżentata.
Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, qal li kulħadd għandu dritt jiddeċiedi x’inhi l-pożizzjoni tiegħu, inklużi l-membri tal-Gvern, iżda qal ukoll li l-pożizzjoni tiegħu minn dejjem kienet magħrufa, jigifieri ser jivvota biex tibqa’ d-deroga għal kaċċa fir-rebbiegħa. Huwa qed jieħu din il-pożizzjoni anki jekk huwa f'minoranza. Il-Prim Ministru qal li mhuwiex ser joqgħod gallarija u ser jara li l-pożizzjoni tiegħu tkun magħrufa. Il-Prim Ministru qal li l-pożizzjoni tiegħu hija aktar imsaħħa mill-fatt li hu kien għalaq l-istaġun tal-kaċċa, meta kien hemm abbużi.
Il-Prim Ministru wiegħed li ser jirrispetta dan il-proċess demokratiku li ser iseħħ f’pajjiżna għall-ewwel darba u ser jirrispetta r-rieda tal-poplu. Qal ukoll li fl-opinjoni tiegħu, is-soċjetà ċivili għandha tkun fuq quddiem fid-dibattitu li ser iseħħ f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, spjega li bħalissa għaddej proċess legali sabiex tigi stabbilita l-mistoqsija li ser tintuża għal dan ir-referendum, liema mistoqsija tigi determinata skont il-petizzjoni ppreżentata u kif tistabilixxi l-liġi.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046