JINBEDA X-XOGĦOL STRUTTURALI LI KIEN TANT MEĦTIEĠ FIL-KUMPLESS TAL-PIXXINA NAZZJONALI TAL-QROQQ
Fl-2010 sar rapport viżwali fuq il-Kumpless tal-Pixxina tal-Qroqq li wera biċ-ċar li l-ammont ta’ ilma li kien qed jiskula fl-istruttura ta’ dan il-kumpless, kien qiegħed jagħmel ħsara kbira lill-binja. Rapport li però nżamm fuq l-ixkaffa għaliex l-amministrazzjoni preċedenti m’għamlitx ix-xogħol meħtieġ sabiex tindirizza din il-problema. Dan qalu llum is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fl-istess kumpless tal-Qroqq fejn fl-aħħar ġimgħat inbeda x-xogħol wara testijiet li saru mill-perit tal-Kunsill Malti għall-Isport li wera r-riskju li fih tinsab il-binja strutturali tal-Kumpless, xogħlijiet li għandhom jiswew madwar 800,000 ewro.
Iċ-Ċermen tal-Kunsill Malti għall-Isport Luciano Busuttil saħaq li għalkemm ix-xogħol inbeda mill-aktar fis, kienet prijorità li l-pixxina ma tingħalaqx u li l-andament jibqa’ għaddej normali. Ovvjament, kompla jgħid Busuttil, kien hemm bżonn ta’ xi tibdil speċjalment fil-faċilitajiet tax-showers li bħalissa jinsabu jaħdmu fuq stat ta’ emerġenza.
Dettalji dwar ix-xogħol li kien hemm imminenti li jsir ingħataw mill-Perit tal-Kunsill Malti għall-Isport William Lewis li spjega li l-planki ma kinux jifilħu għall-piż żejjed li kien hemm fuqhom u kienu f’riskju li jċedu. Il-Perit Lewis kien imqabbad jagħmel l-ewwel stħarriġ tiegħu fl-2013. L-istħarriġ kien wieħed viżwali fejn mal-ewwel deher biċ-ċar li kien hemm bżonn ta’ xogħol fuq id-deck u l-lining tal-pixxina. Madanakollu l-KMS ma qagħditx biss fuq ir-rapport tal-viżwal imma talbet li jsiru t-testijiet meħtieġa. It-testijiet tlestew f’Novembru 2014, u hawnhekk dehret biċ-ċar is-sitwazzjoni urġenti li kien jinsab fiha l-Kumpless tal-Pixxina tal-Qroqq.
Minbarra problema fil-planki, li kienet qed tiġi aċċentwata bit-torba żejda li kien hemm, il-binja kienet ilha tesperjenza skular ta’ ilma sa minn sentejn wara li nbniet, iġifieri sa mill-1995. Din il-problema kienet dovuta primarjament għax-showers. L-ammont ta’ ilma li sena wara sena daħal fl-istruttura kompla għarraq il-binja. Kien għalhekk li fl-aħħar jiem qabel intemmet is-sena, meta bosta kienu bil-vaganzi, inbdiet ħidma sabiex jitneħħew il-ħitan u fejn hemm bżonn isiru ħitan tal-brikks u diviżorji ħfief. Minbarra hekk ingħatat kisja ta’ membrane lil dawk il-partijiet li ser ikunu esposti aktar għall-ilma. Waqt it-tqassim tal-erja, minbarra li ser jiżdiedu iċ-changing rooms, il-binja saret waħda li hija aċċessibbli għal kulħadd, grazzi wkoll għall-intervent tal-KNPD.
Mark Cutajar, l-aġent Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Isport spjega li fl-aħħar jiem anke ġew evakwati l-uffiċini tal-Kumitat Olimpiku Malti u l-lecture rooms tal-Università ta’ Malta li jinsabu eżatt fuq is-saqaf ta’ din l-imsemmija binja riskjuża. Din id-deċiżjoni ttieħdet bħala prekawzjoni, għalkemm il-binja, minħabba li issa hi mifruda, hija sikura. Huwa kompla jgħid li l-Kunsill Malti għall-Isport qed jagħmel minn kollox sabiex inaqqas l-inkonvenjent lil dawk kollha li jużaw il-pixxina, tant li fejn fis-snin preċedenti kien jintefa’ d-diving pool, f’dawn l-aħħar sentejn u anka din is-sena, dan ma ntefiex.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046