TITJIB FIL-KWALITÀ TAS-SERVIZZI MOGĦTIJA LILL-ANZJANI
Prijorità u impenn ewlieni għal din is-sena
Għal din is-sena, impenn ewlieni tas-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’ Diżabilità u Anzjanità Attiva se jkun it-titjib fil-kwalità tas-Servizzi offruti, speċjalment dawk fir-Residenza San Vinċenz de Paul.
Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana żaret ir-residenza San Vinċenz de Paule biex issegwi l-progress tax-xogħlijiet li qed isiru fis-sala l-ġdida St Joseph 3 li se tinfetaħ fi ftit ġranet oħra. Hi żaret ukoll is-swali li se jinfetħu fl-ewwel nofs ta’ din is-sena. Waqt iż-żjara tagħha, ġew identifikati wkoll xi swali oħra li fihom jista’ isir xi xogħol biex jiġu rrazzjonalizzati aħjar is-servizzi mogħtija. Impenn qawwi se jkun biex isir rebranding tar-Residenza u biex tkun Dementia Friendly. Dan ħa jkun għaddej flimkien ma’ proġetti oħra bħal laundry u kċina ġodda. Fost oħrajn se jsiru wkoll xogħlijiet oħra maġġuri fil-kumpless Rużar Briffa fejn ġiet sottomessa l-applikazzjoni lill-MEPA.
Waqt iż-żjara tagħha, is-Segretarju Parlamentari attendiet għal kunċert imtella’ mit-taqsima għall- Anzjanità Attiva bil-parteċipazzjoni tal-Banda Queen Victoria taż-Żurrieq. Fl-indirizz tagħha, Dr Justyne Caruana rringrazzjat u faħħret lil min kien strumentali biex seħħet din l-attività speċjalment lit-taqsima għall-Anzjanità Attiva li ġiet imwaqqfa ġewwa San Vincenz de Paul. Ħabbret ukoll li se jibda programm ta’ attivitajiet fid-djar tal-Gvern biex jingħata kwalità ta’ ħajja aħjar lir-residenti tagħna u biex verament iħossuhom f’darhom. Dan apparti wkoll programm ta’ xogħolijiet u manutenzjoni fid-djar residenzjali tal-Gvern li diġà beda jitwettaq, kif ukoll is-servizz ta’ night shelter u Servizzi ta’ Matul il-Jum għad-Demenzja li dalwaqt se jiġi inawgurat f’Għawdex.
Is-Segretarju Parlamentari daret ukoll xi swali fejn iltaqgħet u tkellmet mal-anzjani, il-ħaddiema u l-familjari tar-residenti, peress li kien il-ħin tal-ikel. Dr Caruana personalment, stħarrġet ukoll dwar il-kwalità tal-ikel u dwar is-sistema l-ġdida li qed tiġi adoperata biex jitqassam l-ikel. B’sodisfazzjon innutat il-kummenti pożittivi li kien hemm mir-residenti.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046