STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA U S-SAĦĦA
Ebda negattività tal-Oppożizzjoni mhija se tmeri l-fatt li kien dan il-Gvern li għall-Enemalta kiseb l-akbar investiment barrani li qatt ra pajjiżna bi ftehim strateġiku ta’ €320 miljun, bil-maġġoranza tal-isħma xorta jibqgħu tal-Gvern Malti.
Din hija l-istess Enemalta li tħalliet f’xifer ta’ falliment mill-amministrazzjoni preċedenti, b’dejn ta’ €840 miljun u inċertezza assoluta għall-ħaddiema u l-familji tagħhom. Għalhekk, ir-realtà hija li l-unika theddida għall-impjegati tal-Enemalta kien il-Gvern ta’ qabel.
Il-Gvern preċedenti ried ibiegħ lill-Enemalta għal ewro wieħed biss u ma kellu ebda intenzjoni li jinvesti aktar fis-settur tal-ġenerazzjoni tal-elettriku f’pajjiżna. Dan in-nuqqas kien se jfisser telf ta’ impjiegi għall-ħaddiema tal-Enemalta u hija ipokrezija li issa l-Oppożizzjoni tipprova tbeżża’ lill-ħaddiema u tipprova tużahom għal skopijiet partiġġjani.
L-investiment li kiseb dan il-Gvern għall-Enemalta ġie iċċertifikat mill-agenziji ta’ kreditu internazzjonali u mill-Kummissjoni Ewropea li, fit-tbassir ekonomiku tagħha għax-xitwa, iddeskriviet l-investiment dinamiku fil-qasam tal-enerġija bħala wieħed mill-kontributuri ewlenin għat-tkabbir ekonomiku qawwi li qed jesperjenza pajjiżna.
Kif diġà kommess repetutament mill-Ministeru għall-Enerġija :
• L-impjieg tal-ħaddiema kollha tal-Enemalta huwa garantit ;
• Il-kundizzjonijiet u l-pagi tal-impjegati, skont il-ftehim kollettiv, se jiġu rispettati;
• Se jinħolqu opportunitajiet ġodda fejn il-ħaddiema jkollhom l-ewwel preferenza għal dawn ir- rwoli qabel ma’ tinħareġ sejħa esterna mill-Enemalta.
L-Oppożizzjoni, li fil-passat injorat lil dawn l-istess ħaddiema, taf tajjeb li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet kontinwi mal-Unions dwar din il-bidla pożittiva fid-direzzjoni tal-Enemalta. L-unika skop tal-Oppożizzjoni huwa biss li tfixkel.
Iżda l-Gvern se jibqa’ jiffoka fuq il-ħidma u l-pjan strateġiku tiegħu li permezz tiegħu, wara snin ta’ telqa, skandli u djun, l-Enemalta se terġa’ tqum fuq saqajha.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046