STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-GVERN TA’ MALTA
L-amministrazzjoni l-ġdida rnexxielha tnaqqas l-iżbilanċ b’aktar minn 150 miljun ewro
L-iżbilanċ bejn id-dħul rikorrenti u l-ispiża totali tal-Gvern, bejn Jannar u Novembru 2014, laħħaq il-figura ta' 189 miljun ewro, b’kuntrast mal-iżbilanċ ta' 342 miljun ewro li kellu l-Gvern Nazzjonalista fil-perjodu Jannar sa Novembru 2012. B’hekk, l-amministrazzjoni l-ġdida rnexxielha tnaqqas l-iżbilanċ b'aktar minn 150 miljun ewro.
Dan ir-riżultat huwa kkonfermat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li ħareġ il-figuri tal-finanzi tal-Gvern u jikkuntrasta ma’ kif l-Oppożizzjoni bassret li pajjiżna ser ikun qed jitlob bailout finanzjarju mill-Unjoni Ewropea.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juri wkoll li, fit-tliet xhur ta' kampanja elettorali, il-Gvern preċedenti żied id-dejn nazzjonali daqs kemm dan żdied matul l-għoxrin xahar ta' wara. Jiġifieri, ir-rata li biha żdied id-dejn nazzjonali matul il-kampanja elettorali tal-Gvern preċedenti, kienet kważi seba’ darbiet aktar għolja minn kemm żdied id-dejn taħt din l-amministrazzjoni. It-tim ekonomiku ta' Simon Busuttil u Tonio Fenech kien ifisser għal pajjiżna sitwazzjoni finanzjarja verament imwiergħa.
Taħt din l-amministrazzjoni, grazzi għal tkabbir ekonomiku b'saħħtu, id-dħul mill-income tax kiber minn 719 miljun ewro, fi żmien Gvern preċedenti, għal 861 miljun ewro din is-sena u dan minkejja li r-rati tal-income tax tnaqqsu għal darba darbtejn. Dan it-tkabbir ta' kważi 20% jindika kemm qed jiżdied id-dħul f'pajjiżna u jġib fix-xejn l-istqarrijiet tal-Oppożizzjoni li bħalissa f'Malta hawn għafsa fil-pagi.
Id-dħul minn VAT, din is-sena, laħħaq il-593 miljun ewro, kontra l-503 miljun ewro taħt l-amministrazzjoni preċedenti. Dan it-tkabbir ta' 18% fid-dħul mit-taxxa fuq il-konsum juri kemm huwa żbaljat id-diskors tal-Oppożizzjoni li bħalissa l-konsum f'Malta qiegħed jonqos.
Matul is-sena li ġejja, il-Gvern ser jibqa’ jaħdem biex il-finanzi pubbliċi jkomplu jissaħħu u b'hekk ikun f’pożizzjoni li jkompli joħloq l-opportunitajiet għall-familji Maltin u Għawdxin.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046