TIĠI MNEDIJA POLICY TAL-MEPA DWAR IS-SOLAR FARMS
Diġà daħlu 72 sottomissjoni mis-settur privat dwar is-Solar Farms Policy
Meta kien qiegħed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fil-MEPA dwar is-Solar Farms Policy - is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u Simplifikazzjoni Amministrattiva, Michael Falzon qal li kienu diġà daħlu 72 sottomissjoni mingħand is-settur privat dwar is-Solar Farms Policy, fl-ewwel stadju ta’ konsultazzjoni pubblika.
Qal ukoll li f’dawn l-aħħar tnax-il xahar ġew imnedija diversi policies mill-MEPA u li din se tkun l-aħħar policy għal din is-sena. Din hija xhieda ta’ ħidma kontinwa ta’ amministrazzjoni bieżla u li tħares ’il quddiem.
Kompla jgħid li din il-Policy hija riżultat ta’ koperazzjoni ħajja bejn żewġ Ministeri. Kien hemm parti minnha, fejn kellha x’taqsam it-teknoloġija li kienet taqa’ taħt il-Ministeru tal-Enerġija u l-parti l-oħra fejn jidħol l-użu tal-art, l-aspett ta’ ppjanar u ta’ żvilupp, li ħadet ħsiebha l-MEPA. Dan kien eżempju ċar ta’ kif taħdem din l-amministrazzjoni, u tirrifletti wkoll il-pjan ħolistiku bħala pajjiż, fejn tidħol il-ġenerazzjoni tal-enerġija. Punt ieħor kruċjali ta’ din il-politika hi li din hi Policy li tħares l-ambjent. F’din il-Policy hemm direzzjoni kif nirrijabilitaw barrieri mitluqa u kif nagħmlu użu aħjar ta’ siti li huma diġà kommessi, bħall-hangars, etc. Il-Policy tħares lejn enerġija nadifa, u enerġija rinnovabbli fejn pajjiżna għandu target li jrid jilħaq 10% sas-sena 2020.
F’din il-konferenza stampa tkellmu wkoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tal-Enerġija u s-Saħħa, Ronald Mizzi, il-Perit Joseph Scalpello, li spjega fid-dettall din il-Policy kif ukoll iċ-Chairman tal-Awtorità tal-MEPA Vincent Cassar.
Il-Policy proposta tista’ titniżżel minn fuq il-website tal-Awtorità www.mepa.org.mt. Individwi u organizzazzjonijiet qed jiġu mistiedna biex jibgħatu l-kummenti tagħhom dwar din il-Policy bil-miktub lil:
MEPA,
Chief Executive Officer,
Solar Farms Policy
P.O. Box 200, Marsa MRS 1000;
jew permezz tal-email: solarfarms.policy@mepa.org.mt
Is-sottomissjonijiet għandhom jaslu għand l-Awtorità sa mhux aktar tard mill-Ġimgħa 13 ta’ Frar 2015.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046