QED INKOMPLU NIRBĦU L-BATTALJA KONTRA L-ISTAĠJONALITÀ FIT-TURIŻMU
Xahar ieħor pożittiv għas-settur tal-Akkomodazzjoni Kollettiva meta skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, ix-xahar ta’ Ottubru meta kkomparat ma’ Ottubru 2013, irreġistra żieda ta’ 3.1% u ta’ 2% fil-wasliet u fl-iljieli mqatta’ ġewwa akkomodazzjonijiet kollettivi rispettivament. Ottubru li għadda mmarka numru rekord ta’ iljieli mqatta’ ġewwa akkomodazzjonijiet kollettivi fejn ġie reġistrat aktar minn 840,000 lejl. Filwaqt li l-kategoriji kollha tal-lukandi rreġistraw żieda kemm fil-wasliet u kemm fl-iljieli mqatta’, ta’ min jinnota b’sodisfazzjon li l-lukandi ta’ ħames stilel kellhom tkabbir ta’ 4% meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena l-oħra.
Dawn ir-riżultati pożittivi kienu aktar effettivi ġewwa l-gżira Għawdxija f’dan ix-xahar partikolari. In-numru tal-iljieli mqatta’ f’akkomodazzjonijiet kollettivi ġewwa Għawdex f’Ottubru li għadda kien ukoll wieħed rekord meta ammonta għal aktar minn 35,000, li jfisser żieda ta’ aktar minn 9% fuq dak reġistrat fl-istess xahar tas-sena l-oħra. Aktar minn hekk il-lukandi ta’ ħames stilel ġewwa Għawdex immarkaw tkabbir sostanzjali ta’ 50% fl-iljieli mqatta’ minn turisti f’Ottubru li għadda meta mqabbel ma’ Ottubru tal-2013.
Il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis jilqa’ bi pjaċir dawn iċ-ċifri mħabbra dalgħodu. Il-Ministru Zammit Lewis jgħid li x-xahar t’Ottubru huwa kontinwazzjoni tas-suċċess li rreġistrajna xahar wara xahar fis-settur turistiku partikolarment fl-akkomodazzjoni kollettiva. In-numru ta’ wasliet tul l-ewwel 10 xhur ta’ din is-sena ammonta għal kważi 1.4 miljuni, filwaqt li l-iljieli mqatta’ laħqu ċ-ċifra ta’ 7.8 miljuni.
Il-ħidma tal-Gvern fis-settur turistiku u s-sostenn li jagħti lil din l-industrija partikolari, speċjalment l-industrija tal-akkomodazzjoni kollettiva qed turi bil-provi li qed tagħti l-frott. Ta’ min jinnota li f’Ottubru li għadda kien hemm żieda ta’ ‘l fuq minn 77,000 fl-iljieli mqatta’ f’akkomodazzjonijiet kollettivi meta kkomparat ma’ Ottubru tal-2012, li jfisser 10% żieda fl-iljieli fuq l-istess xahar taħt il-leġislazzjoni preċedenti.
Il-Ministru Zammit Lewis temm jgħid li l-Gvern jibqa’ kommess li jissokta f’din id-direzzjoni li qed twassal għal aktar ġid, profitti u investiment f’din l-industrija li jissarrfu f’aktar flus fil-bwiet tal-poplu Malti u Għawdxi u ħolqien ta’ aktar impjiegi. Qed jirnexxielna nibqgħu nnaqqsu l-istaġjonalità fis-settur turistiku tagħna li jfisser ukoll aktar stabbiltà fis-settur.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046