AKTAR MINN 70 INĠINIER IPPREŻENTATI BIL-‘WARRANT’
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi llum ippreżenta l-‘warrant’ lil aktar minn 70 Inġinier ġdid.
F’ċerimonja li saret fil-bini ta’ Project House, Beltissebħ, il-Ministru Joe Mizzi tkellem dwar l-importanza li l-Inġiniera jagħrfu r-responsabbiltajiet li dan il-‘warrant’ iġib miegħu. Huwa qal li ċ-ċerimonja tal-lum, hija biss il-bidu ta’ karriera, ġurnata li minnha l-Inġiniera se jkomplu jikbru u jiżviluppaw dak li tgħallmu fuq il-karta u jkabbru l-għarfien tagħhom fuq is-suġġett permezz ta’ esperjenzi ġodda ta’ xogħol.
Il-Ministru appella lill-Inġiniera biex jagħmlu xogħolhom bil-galbu u biex ma jħallux d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom matul ix-xogħol jaqtgħulhom qalbhom, filwaqt li jikkoperaw ma’ ta’ madwarhom u fuq kollox, ikunu responsabbli ta’ dak kollu li jagħmlu.
Huwa spjega li din hija professjoni li titlob dedikazzjoni kbira f’qasam li huwa essenzjali ħafna għall-pajjiż u meqjus bħala wieħed mill-akbar pilastri tal-industrija.
“Għalhekk importanti li tħarsu l-obbligu tagħkom u d-dover li timpenjaw ruħkom f’ħidma effiċjenti f’kull proġett u f’kull biċċa xogħol li tiġi fdata lilkom,” temm jgħid il-Ministru Joe Mizzi, waqt li awgura kull suċċess lill-Inġiniera l-ġodda.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046