Left arrow Go Back

​JITNIEDA L-PROGRAMM EDUKATTIV ‘AQRA KEMM TIFLAĦ'

PR142933mt
Date Icon 15/12/2014

Inizjattiva oħra tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu għal Kulħadd f’Malta u Għawdex

Il-Ministru tal-Edukazzjoni  Evarist Bartolo nieda l-programm maħsub għall-ewwel snin tal-edukazzjoni primarja ‘Aqra kemm Tiflaħ’.  Il-programm tnieda b’mod simboliku billi l-Ministru xegħel siġra tal-Milied mibnija minn għadd kbir ta’ kotba attraenti u interessanti ta’ ġeneri differenti.  Dawn il-kotba se jitqassmu f’għadd ta’ skejjel primarji.  Il-Ministru Bartolo qal li mhux biżżejjed li ngħidu lit-tfal biex jaqraw, iżda għandna nipprovdulhom kotba ta’ kwalità u xierqa għalihom.  Irridu wkoll lkoll kemm aħna nservu ta’ mudell tajjeb tal-qari għat-tfal.

Dan il-programm huwa mmexxi mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu li tagħmel parti mill-Ministeru tal-Edukazzjoni.  F’din l-ewwel fażi se jitqassmu aktar minn 10,000 ktieb f’16-il skola.  Kull klassi mill-ewwel sat-tielet sena se tingħata mhux anqas minn 100 ktieb ta’ kwalità għal-librerija tal-klassi.  Dan ifisser li 1,700 tifel u tifla f’100 klassi se jkollhom mill-anqas sitt kotba kull wieħed fil-librerija tal-klassi tagħhom.  Dawn il-kotba huma kemm fittizji kif ukoll ta’ informazzjoni bil-Malti u bl-Ingliż.   Kull ktieb għandu tabella żgħira li turi l-livell tiegħu skont il-lingwa u l-kontenut tiegħu.  Inħolqu wkoll għarbiela tal-qari sabiex jgħinu lill-għalliema jsibu l-livell tal-qari tat-tifel jew it-tifla tagħhom.  Inħadmu wkoll 750 riżorsa għal qabel, waqt u wara l-qari għall-użu tat-tfal, l-għalliema, l-LSAs u l-ġenituri.  L-iskop ta’ dawn ir-riżorsi huwa l-qari jintwera bħala esperjenza sabiħa, divertenti u ta’ ġid għall-iżvilupp sħiħ tat-tfal.  Se tingħata lil kull skola informazzjoni u materjal kif isir l-aħjar użu mill-kotba tal-librerija tal-klassi.

Il-librerija tal-klassi għandha rwol importanti ħafna fil-proċess tat-tagħlim tal-qari.  Fi klassijiet li għandhom librerija tajba, it-tfal jiltaqgħu ma’ ħafna aktar kotba, iħarsu lejhom b’mod pożittiv, iqattgħu aktar ħin jaqraw u b’hekk jitgħallmu jaqraw aktar malajr.  Il-librerija tal-klassi tipprovdi lit-tfal l-opportunità li jkollhom aċċess immedjat u ta’ kuljum għall-kotba li għandhom bżonn sabiex isiru qarrejja tajba u mexxejja.

Inizjattivi oħra tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu huma l-programm Aqra Miegħi/Read with Me, maħsub għal tfal minn 0 sa 3 snin u l-ġenituri tagħhom; il-programm tal-Ambaxxaturi tal-Qari, li fih nies prominenti jservu ta’ mudelli ta’ qari għal tfal u żgħażagħ; u l-programm tal-Promoturi tal-Qari li għandu l-għan li jħajjar lit-tfal jippromwovu l-qari fost sħabhom u jaqraw aktar.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow