IT-TRIQ TA’ ĦAL LIJA MIFTUĦA MILL-ĠDID GĦAT-TRAFFIKU
Ix-xogħlijiet f’Ħal Lija b’rabta mal-proġett nazzjonali għat-taffija tal-għargħar, kif ukoll biex tiġi rranġata s-sistema tad-drenaġġ li kienet ilha taffettwa lir-residenti għal diversi snin, tlestew u t-triq issa tinsab miftuħa għat-traffiku.
Matul dawn l-aħħar erba’ ġimgħat, sar xogħol estensiv ta’ tħaffir tat-triq għal madwar 200 metru tul. It-tħaffir sar sa madwar żewġ sulari taħt l-art fejn inqalgħu l-pajpijiet eżistenti tad-drenaġġ u inbidlu ma’ oħrajn ġodda. Ma’ dan sar ukoll xogħol tal-kanali tal-ilma tax-xita tal-proġett għat-taffija tal-għargħar. Saret ukoll bankina ġdida fuq in-naħa ta’ Ħal-Lija.
Mill-bieraħ beda xogħol ta’ żebgħa tas-sinjali ġodda tat-traffiku fl-art u dalgħodu bdew jiżżarmaw l-istrutturi temporanji li kienu qed jgħinu lis-sewwieqa fl-immaniġġjar tat-traffiku.
Ix-xogħlijiet, b’kollaborazzjoni mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, baqgħu għaddejjin sa tard bil-lejl biex tlestew ix-xogħlijiet taħt l-art. L-asfalt tal-wiċċ ingħata b’mod temporanju biex it-triq tkun tista’ tinfetaħ kemm jista’ jkun bla dewmien ħalli ma jiġix affetwat il-kummerċ ta’ żmien il-Milied. Dan se jinbidel skont il-programm ta’ xogħlijiet li għandha Transport Malta.
Matul dan il-perjodu, kienu qed jiġu organizzati b’mod regolari laqgħat bejn il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi, Transport Malta u l-Pulizija flimkien mal-Kunsilli Lokali involuti, il-GRTU u sidien ta’ ħwienet.
Il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura jirringrazzja lill-entitajiet kollha li kienu involuti, speċjalment lill-Kunsilli Lokali, kif ukoll lill-ħaddiema, biex, kif ġie mwiegħed, ix-xogħol seta’ jitlesta sa qabel il-Milied.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046