NIBNU L-KREDIBBILTÀ U L-FIDUĊJA FIL-KORP TAL-PULIZIJA MILL-ĠDID
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li dawn l-aħħar jiem urew id-differenza bejn dan il-Gvern u l-Gvern preċedenti. Qabel ma kien jiġri xejn u issa l-Gvern aġixxa fuq responsabbiltà politika. Huwa qal li l-Gvern aġixxa billi sejjaħ inkjesta b’terminu determinat, u ttieħdu d-deċiżjonijiet wara li ħarġu l-fatti kollha dwar il-każ tal-eks Ministru Manuel Mallia.
Skont l-inkjesta, kompla l-Prim Ministru, kien hawn kultura li min ikun fl-oppożizzjoni jitkellem ħafna dwar il-kontabbiltà, imbagħad jitla’ fil-Gvern u jinsa kliemu. Dan qed jinbidel u din hija paġna ġdida fl-istorja ta’ kontabbiltà politika u trasparenza f’pajjiżna. Dan huwa biss wieħed mill-punti, qal il-Prim Ministru, li l-politiċi kollha għandhom x’jitgħallmu mill-inkjesta tat-tliet Imħallfin indipendenti.
Il-Prim Ministru qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja, fil-preżenza tal-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela u tal-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar.
Il-Prim Ministru qal li hija prijorità li nibnu l-kredibbiltà u l-fiduċja tal-pubbliku fil-Korp tal-Pulizija mill-ġdid.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li fil-politika għandna nuru umiltà. Il-politiċi għandhom ikunu dejjem qrib in-nies u minkejja li l-ekonomija u l-ħolqien tal-ġid huma dejjem importanti, każ bħalma nqala’ f’dawn il-ġimgħat fejn intużat forza sproporzjonata fil-qadi tas-servizz, tinkwieta lin-nies. Huwa qal li fil-korp hemm nuqqasijiet li ilhom ġejjin is-snin, fosthom minħabba nuqqas ta’ investiment f’talent, u kultura ta’ ħabi. Dan urietu l-inkjesta li sostniet li kien hemm attentat ta’ cover-up. Il-Prim Ministru sostna li dan irridu niġġilduh.
Il-Prim Ministru rringrazzja lill-eks Ministru Manuel Mallia tax-xogħol tiegħu u awgura lill-Ministru u lill-Kummissarju l-ġodda.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046