MOGĦTI L-PREMJU TAL-ISKEMA A+ AĊĊESSIBILITÀ 2014
Ħal-Qormi fl-Ewwel post ta’ din l-iskema
Illum ġew uffiċjalment mogħtija l-premjijiet tal-Aċċessibilità A+ imnedija mis-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva u s-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali. Din iċ-ċerimonja saret f’Ta’ Mena Estates f’Għawdex.
Fi kliem is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana dan il-Gvern huwa impenjat fil-ħidma b'risq l-aġenda tal-persuni b'diżabilità. Żgur li l-Kunsilli Lokali huma sieħba importanti f'din il-ħidma speċjalment fejn tidħol l-aċċessibilità u l-inklużjoni - dan huwa l-għan ewlieni ta' dan il-premju.
Qalet li dan huwa importanti biex f’Malta nkomplu nisħqu u ntejbu kemm l-inkużjoni soċjali ta’ persuni b’diżabilità fil-komunità kif ukoll intejbu l-kwalità ta’ ħajja ta’ persuni b’diżabilità nnifishom sabiex ikollhom inqas ostakli fil-ħajja ta’ kuljum. Qalet li l-aċċessibiltà u l-inklużjoni soċjali huma żewġ kolonni ewlenin fil-Politika Nazzjonali għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità li ġiet imnedija fil-ġurnata ddedikata lill-Persuni b’Diżabilità u għalhekk hija importanti li dawn iż-żewġ punti jiġu implimentati wkoll fuq bażi lokali.
Din iċ-ċerimonja saret propju f’Għawdex għal raġuni speċifika. Dan għaliex il-Gvern, għaddej b’diversi proġetti b'risq il-persuni b’Diżabilità f'Għawdex. Semmiet il-miżura importanti li tħabbret fil-baġit ta' tmenin impjieg għall-persuni b’diżabilità f'Għawdex stess. Caruana ħabbret ukoll il-proġett ta’ Learning Hub għall-Persuni b’Diżabilità f’Għawdex li ser ikun l-ewwel proġett tax-xorta tiegħu u li x-xogħlijiet fuqu ser jibdew fil-ġranet li ġejjin, il-Kunċert li ser jittella’ għada Winter Moods and Friends fejn appuntu l-grupp popolari Winter Moods ser ikun akkumpanjat mit-talent ta' diversi persuni b'diżabilità. F' dan il-kunċert se jkun qiegħed jingħata wkoll il-Premju Soċjetà Ġusta li kien inizjattiva tal-ewwel darba li ser isir taħt il-patroċinju distint tal-President ta' Malta.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo qal li dan huwa Gvern li jemmen fil-ħtiġijiet ta’ kull membru tal-komunitajiet tagħna, inkluż dawk ta’ persuni b’diżabilità. Sostna li nemmnu fl-abbiltajiet u mhux fid-diżabbiltajiet, għalhekk nedejna din l-iskema fi Frar li għadda. Buontempo sostna li għamilna dan sabiex inħeġġu lil Kunsilli Lokali sabiex ikunu proattivi fil-qasam tal-aċċessibilità għal kull membru tal-komunità tagħhom għaliex nemmnu li kulħadd għandu jkollu l-istess opportunità sabiex igawdi bl-aqwa mod possibbli l-lokalità tiegħu.
Is-Segretarju Parlamentari Buontempo saħaq li għamilna dan sabiex nagħtu aktar viżibilità u fl-istess ħin rikonoxximent lil dawk il-Kunsilli Lokali li kienu proattivi u ħadmu sabiex iżidu l-aċċessibilità bi proġetti fil-lokalitajiet tagħhom. Proġetti li fi kliemu jsaħħu l-aċċessibilità fil-lokalitajiet filwaqt li jkunu qed jimplimentaw b’mod dirett waħda mill-akbar għajtiet ta’ dan il-Gvern fil-qasam tal-Governanza Lokali, dik li jkollna Kunsilli Lokali qrib in-nies; qrib għaliex dan il-Gvern jemmen li aċċessibilità adegwata għal kull membru tas-soċjetà twassal direttament għal tisħiħ tal-idea ta’ komunità li kulħadd għandu dritt li jkun parti minnha b’mod attiv.
Stefan Buontempo saħaq li l-idea prinċipali wara dan il-proġett hija dik li l-Kunsilli Lokali jkunu fiċ-ċentru tal-ħidma lokali li twassal sabiex innaqqsu d-dipendenzi u fl-istess ħin insaħħu l-valur ta’ dritt ta’ ħajja indipendenti li toffri l-aqwa kwalità ta’ ħajja possibbli. Qal li huwa importanti li l-Kunsilli Lokali kollha jkomplu jaħdmu sabiex tkompli titjieb l-aċċessibilità fil-lokalitajiet, fosthom b’bakini adegwati li ma jkollhom l-ebda ostaklu, għamara tat-triq li tgħin u mhux ixxekkel l-aċċess, titjib f’entraturi ta’ negozji u tabelli li jinqraw faċilment minn kulħadd.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046