IL-MINISTRU VELLA WIEĦED MILL-KELLIEMA EWLENIN FID-DIBATTITU DWAR IL-ĠLIEDA KONTRA T-TERRORIŻMU
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, it-Tabib George W. Vella llum kien wieħed mill-kelliema ewlenin fid-dibattitu dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu u l-isfidi komuni fil-pajjiżi tal-Organizzazzjoni dwar is-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (l-OSCE) u lil hinn minnhom. Dan id-dibattitu sar waqt it-tieni ġurnata tal-Laqgħa Ministerjali tal-Organizzazzjoni, li qed issir f’Basel, l-Isvizzera.
Il-Ministru Vella qal li t-terroriżmu sar theddida reali għall-paċi dinjija u s-sigurtà u qal li Malta dejjem ikkundannat atti ta’ terroriżmu, kull fejn saru u wettaqhom min wettaqhom. Il-Ministru qal li l-ġlieda kontra t-terroriżmu trid issir b’mod koordinat, b’impenn u b’konvinzjoni.
Il-Ministru Vella rrefera għat-tbatijiet ikkawżati mit-terroriżmu, fosthom il-ġuħ, il-gwerer u n-nies refuġjati f’pajjiżhom stess, barra l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi għall-pajjiżi ġirien. Il-Ministru semma wkoll ix-xogħol li tagħmel l-OSCE kontra t-terroriżmu u kif l-Organizzazzjoni tista’ tikkopera mal-isħab Mediterranji għall-Koperazzjoni u pajjiżi oħra tal-Mediterran, bħal-Libja u pajjiżi oħra tal-Afrika ta’ Fuq li bħalissa għaddejjin minn tranżizzjoni kbira, permezz tal-Kapitlu dwar il-Mediterran fl-Att Finali tal-1975 ta’ Ħelsinki.
Huwa semma wkoll is-sehem ta’ Malta f’din il-ġlieda, fosthom bil-proposta Maltija li jitwaqqaf f’Malta Ċentru tal-OSCE u bil-ftuħ tal-Istitut Internazzjonali għall-Ġustizzja u ‘Rule of Law’ aktar kmieni din is-sena.
Ilbieraħ tard waranofsinhar, il-Ministru Vella kellu taħditiet bilaterali mal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Ġeorġja, l-Armenja u t-Turkija. Huwa ħa sehem ukoll f’laqgha dwar is-sitwazzjoni fil-Libja mal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Italja, Spanja u l-Portugal. Il-Ministri qablu li jibagħtu ittra flimkien lir-Rappreżentanta Għolja għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea, Federica Mogherini, biex is-sitwazzjoni fil-Libja tkun diskussa fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin li se ssir aktar tard dan ix-xahar fi Brussell.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046
pr142858a.pdf