INAWGURAT IL-PROĠETT TAŻ-ŻEWWIEQA
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza UE 2017 u għall-Fondi Ewropej Ian Borg inawguraw uffiċjalment il-proġett taż-Żewwieqa fl-Imġarr.
Il-proġett taż-Żewwieqa kien jikkonsisti fit-tisbiħ tal-belvedere u tal-inħawi, inkluż il-pjazza, u t-twaqqif ta’ faċilitajiet ġodda bħal parkeġġ u toilets ġodda. Permezz ta’ dan il-proġett, il-Ministeru għal Għawdex qiegħed isaħħaħ il-prodott turistiku tal-gżira Għawdxija u jipprovdi post alternattiv ta’ mistrieħ għall-familji Għawdxin.
Ix-xogħlijet bdew fl-2008 iżda kienu milqgħuta minn dewmien sinifikanti minħabba n-nuqqas ta’ rispons mis-suq għat-twaqqif ta’ struttura magħmula mit-tensile membrane structure. Is-sejħa relata ħarġet tal-inqas ħames darbiet min-naħa tad-Dipartiment tal-Kuntratti. Imma kull darba it-tender kellha taqa’ għax l-offerti miftuħa ma jkunux jilħqu kriterija meħtieġa. Fl-isfond ta’ dawn il-diffikultajiet, u minħabba r-riskju ta’ telf ta’ fondi Ewropej, il-Ministeru ddeċida l-istruttura tiġi maħduma minn ħaddiema tagħha, filwaqt li l-materjal meħtieġ jinxtara mis-suq wara l-ħruġ tas-sejħiet relatati. Ix-xogħol tlesta f’Ottubru ta’ din is-sena.
F’Xatt iż-Żewwieqa qed tiġi esebita wkoll id-dgħajsa tal-latini Sacra Famiglia li nbniet fl-1933 bħala waħda miż-żewġ dgħajjes li kienu jagħtu kuntatt bejn Malta u Għawdex. Din, l-unika waħda li fadal, ġiet irrestawrata wara xogħol estensiv u dettaljat fuqha. Il-kumpanija Gozo Channel uriet interess kbir fir-restawr ta’ din id-dgħajsa billi hija l-aħħar kampjun tal-wirt nawtiku tagħna.
Dr Borg qal kif l-għeluq tan-negozjati mal-Kummissjoni Ewropea fuq il-Partnership Agreement u issa l-Programmi Operattivi, tfisser ukoll li Għawdex issa jista’ jibda jagħmel użu minn tal-inqas 10% tal-fondi sal-2020. Għall-ewwel darba ukoll, il-Gvern innegozja bil-ħsieb li l-Gżira Għawdxija u l-poplu tagħha, tista’ jibbenifika b’mod oriżżontali u allura taħt kull priorità.
Dan il-proġett sewa €4,738,774 li minnhom €3.7 miljuni ġew ko-fininzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Min-naħa tiegħu, il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo qal li permezz ta’ dan il-proġett qiegħed jixpruna s-settur privat biex ikompli jinvesti fl-inħawi taż-Żewwieqa.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046