STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETÀ SOĊJALI
Waqt li kien qed jindirizza s-seminar organizzat minn CareMalta bit-tema Building the Future We Want, il-Ministru Michael Farrugia qal li l-persuni b’diżabilita` għandhom jitqiesu ugwali daqs kull persuna oħra. Sostna, li wara li ngħataw il-benefiċċji għad-diżabilita` sa mill-1974, jonqos li issa nagħtuhom aktar awtonomija, ħelsien u indipendenza. U dan jista’ jinkiseb b’inklużjoni soċjali effettiva.
Kien għalhekk, qal il-Ministru Michael Farrugia, li f’dan il-bagit il-Gvern iddeċieda li jibda jinforza l-liġi tal-1967, għaliex bix-xogħol nistgħu nagħtu l-aqwa dinjita` lil persuni b’diżabilita`. Biex il-Gvern jara li din il-miżura titwettaq se jagħti nċentivi lil dawk in-negozji li jimpjegaw persuni b’diżabilita`.
Iżda aktar minn hekk, qal il-Ministru Farrugia, qegħdin inħarsu l-ewwel biex intejbu l-faċilitajiet taċ-Ċentri li għandna u nħajru wkoll lil persuni b’diżabilita` jitħarrġu u hekk ikattru l-abbiltajiet li għandhom. F’dan il-bagit ħabbarna wkoll li dawn il-persuni li jirċievu l-benefiċċju tad-diżabilita`, se jibqgħu jirċevuh sħiħ u mhux imnaqqas jekk jaqilgħu paga għola minn dik minima.
Hemm il-ħsieb ukoll li jinfetħu numru ta’ djar żgħar, sabiex il-ġenituri jtaffu l-karba li ilha tinħass dwar x’se jiġri minn uliedhom meta jiġu nieqsa. Dawn id-djar fil-komunita` se jibdew jinfetħu s-sena d-dieħla, u jekk il-ġenituri jridu jistgħu jinvestu fi Trust ħalli jassiguraw li wliedhom ikomplu jgawdu l-wirt kollu li jħallulhom.
Il-Ministru Farrugia li jkun tajjeb li l-persuni b’diżabilita`, kif ukoll il-ġenituri tagħhom, iħarsu lejn is-suċċess miksub mill-Maltin u Għawdxin fl-Ispecial Olympic Games, fejn din is-sena rebħu għadd kbir ta’ midalji tad-deheb, fidda u bronż.
Filwaqt li dawn il-persuni għandhom jingħataw imħabba speċjali, m’għandniex inċaħħduhom milli joħorġu t-talenti tagħhom biex jidħlu jintegraw kif xieraq fis-soċjeta`.
Il-Ministru Michael Farrugia qal li dawn il-laqgħat iservu ferm sabiex nisimgħu, nitgħallmu, nanalizzaw u wara nwettqu dak li joħroġ mill-vuċi tal-persuni b’diżabilita` u l-qraba tagħhom. Huwa qal li biex insostnu dan, issa wasalna fl-istadju fejn se nibdew anke naħtru minn dawn il-persuni fuq bordijiet biex minn hemm isemmgħu leħinhom dwar il-ħtiġijiet tagħhom.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046