STQARRIJA MAĦRUĠA MIL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI
pr142817
02/12/2014
Ikompli l-immodernizzar fil-qasam tal-ġustizzja b’fażi oħra tal-proġett pilota
Mil-lum, it-Tlieta 2 ta’ Diċembru 2014, ser tidħol fis-seħħ fażi oħra tal-proġett pilota f’awla kriminali b’sistema ġdida ta’ tqassim tad-dokumenti li jingħataw lix-xhieda u lill-imputati biex jitilgħu l-Qorti. Dan bħala parti minn proġett pilota li qed jitwettaq f’awla tal-Maġistrat Francesco de Pasquale, bil-għan li jiġu modernizzati s-seduti tal-kriminal b'sistema tal-informatika.
Jirriżulta li waħda mill-fatturi li jwasslu d-dewmien tal-kawżi hi li xhieda jew imputati ma jinstabux meta jiġu biex jitqassmu d-dokumenti biex in-nies jitilgħu l-Qorti u allura ħafna nies jispiċċaw jittellgħu għal xejn. Bis-sistema l-ġdida, l-effiċjenza mistennija tiżdied sostanzjalment.
S'issa, t-tqassim tad-dokumenti tal-Qorti kien isir permezz ta’ membru tal-Korp tal-Pulizija. Bl-introduzzjoni tas-sistema l-ġdida, ser ikun bniedem pajżan (u mhux iktar membri tal-Korp tal-Pulizija li issa jkunu jistgħu jiffukaw fuq xogħol iktar utli) li ser jibda jqassam dawn id-dokumenti. Dan ser jagħmlu darbtejn, kemm filgħodu kif ukoll filgħaxija sakemm jinstab il-persuna – sew jekk imputat u sew jekk xhud - li trid titla’ l-Qorti. Għall-konvenjenza tal-persuni li jridu jitilgħu l-Qorti, it-tqassim se jibda jsir ġurnata fost il-ġimgħa kif ukoll nhar ta' Sibt.
Jekk il-persuna ma tinstabx lanqas mat-tieni darba, allura jintuża l-proċess tal-affissjoni fejn iħalli d-dokumenti fil-kaxxa tal-ittri jew mal-bieb. Se tkun qed titqassam riferta, li fuqha jitniżżlu ż-żewġ dati li fihom il-pustier prova jqassam id-dokumenti. It-tqassim ser jsir fl-indirizz fejn hu rreġistrat l-imputat, skont ir-Reġistru Elettorali. Minbarra dan, kull fejn jitħallew id-dokumenti fil-kaxxa tal-ittri jew mal-bieb għaliex l-imputat ma jkunx instab, ser jibdew jiġu ppubblikati l-ismijiet tal-imputati flimkien mar-reati li bih ikun qed jiġi akkużat f'ġurnal lokali. B'hekk l-affissjoni tkun regolarizzata skond il-liġi. Jekk affissjoni ma tiġix ippubblikata fuq il-gazzetta, ir-riferta ma tkunx valida, u jkun ifisser li l-imputat ma ġiex notifikat.
Jekk persuna li tkun ġiet notifikata jew personalment jew bil-proċess ta’ affissjoni xorta waħda ma titlax il-Qorti, allura l-Qorti jkollha dritt tordna li fis-seduta ta’ wara dak l-imputat jew xhud jidher b’mandat ta’ arrest mill-Pulizija. Il-Gvern jieħu l-opportunita’ sabiex jappella lill-Oppożizzjoni illi biex iktar tiżdied l-effiċjenza u titkattar il-ġustizzja, tagħti l-appoġġ tagħha għall-proposta tal-Gvern li fil-kawżi ż-żgħar iżda li pero’ jkun hemm volum ta’ nies involuti (bħal tad-distrett jew tat-traffiku) il-Maġistrat li jkollu quddiemu każ fejn l-imputat, minkejja notifikat, baqa’ ma deherx għas-seduta jkun jista’ jagħti s-sentenza tiegħu fl-assenza tiegħu (in absentia) bis-salvagwardji l-insibu f’pajjiżi oħra Ewropej.
Intant, il-proġett pilota ta' modernizzar tal-Qorti tal-Maġistrati b'sistema tal-informatika miexi b'pass tajjeb ħafna. Il-pjan tal-Gvern huwa li fix-xhur li ġejjin dan il-proċess ta’ immodernizzar jiġi estiż mal-awli kollha tal-Qorti tal-Maġistrati.
Waħda mill-vantaġġi prinċipali ta' sistema aktar effiċjenti tal-informatika hi li l-ħinijiet li fihom wieħed jissejjaħ quddiem il-Qorti jitqassmu aħjar u jiġi evitat li kulħadd jissejjaħ fid-disgħa ta’ filgħodu. Dan għandu jagħmel differenza f'seduti kriminali, bħal tad-distrett u tat-traffiku, fejn hemm volum kbir ta' kawżi. B'hekk jibbenefika kemm min jattendi u kemm min jipprattika fil-Qrati Maltin.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046