IL-LUKANDA SEABANK SE TIFFRANKA MADWAR MITEJN ELF EWRO FIS-SENA MIR-ROĦS TAL-KONTIJIET TAD-DAWL U L-ILMA
Il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis qal li l-lukanda Seabank Resort & Spa reġgħet kisbet isem tajjeb għal Malta hekk kif ikklassifikat fit-tmien post fil-kategorija ta’ All-Inclusive Hotel tal-Ewropa. Dan wara r-riżultati miksuba s-sena li għaddiet fejn l-istess lukanda irnexxielha tikklassifika fis-sbatax-il post fost l-aqwa 25 All Inclusive Resorts fl-Ewropa, fuq is-sit internazzjonali Trip Advisor. Bla dubju dawn ir-riżultati jpoġġu lill-lukanda kif ukoll lil Malta bħala destinazzjoni turistika fuq quddiem. Dan huwa huwa ċertament ta’ unur li jqiegħed lil Malta fuq il-mappa għal dawk li jfittxu l-aqwa kwalità u esperjenza memorabli f’all-inclusive resort, tenna l-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis.
‘Din hija xhieda tal-isforz kollettiv u determinazzjoni tal-maniġment u tal-impjegat kollha fil-lukanda Seabank fejn il-kwalità fil-prodott u s-servizz huma ta’ prijorità ewlenija. Infaħħar l-inizjattiva bla waqfien mid-diretturi tal-lukanda li kontinwament jinvestu biex jaġġornaw il-prodott turistiku u jenfassizzaw li joffru l-aħjar esperjenza possibbli u valur għall-flus lill-klijenti’.
Il-Ministru għat-Turiżmu għamel referenza għat-tnaqqis fl-ispejjeż tal-enerġija li se jiġu estiżi lill-intrapriżi kollha minn Marzu li ġej, u li huma mmirati wkoll sabiex jgħinu lill-industrija tat-turiżmu tkompli taġevola l-kompettitività tagħha sabiex toħloq aktar opportunitajiet ta’ xogħol u investiment fl-ekonomija Maltija kif ukoll li l-operaturi tal-lukandi jagħmlu l-investiment li hemm bżonn fil-lukandi. Is-Seabank Resort & Spa se tkun qed tiffranka madwar 210 elf ewro mis-sena d-dieħla permezz tat-traħħis tal-kontijiet tad-dawl u ilma.
Waqt iż-żjara uffiċjali fil-lukanda Seabank, il-Ministru għat-Turiżmu rrimarka li skont ċifri ppubblikati dalgħodu mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, numru rekord ta’ ’l fuq minn 156,000 wasla minn turisti f’akkomodazzjonijiet kollettivi ġiet reġistrata fix-xahar ta’ Settembru li għadda. F’dan l-istess xahar, l-iljieli mqattgħa minn dawn it-turisti qabeż għall-ewwel darba iċ-ċifra ta’ disa’ mitt elf lejl. Dan ifisser li ġiet irreġistrata żieda ta’ ’l fuq minn 3% fil-wasliet u ta’ 4% fl-iljeli mqattgħa meta kkomparat ma’ Settembru tas-sena l-oħra.
B’sodisfazzjon, il-Ministru għat-Turiżmu qal li t-tkabbir inħass f’kull kategorija ta’ lukandi. F’Settembru li għadda, il-lukandi ta’ ħames stilel rreġistraw żieda ta’ kważi 4% fl-iljieli mqattgħa meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena 2013.
Dan it-tkabbir fis-settur tal-akkommodazzjoni kollettiva nħass b’mod pożittiv ferm ukoll fil-gżira Għawdxija, fejn ġie reġistrat numru rekord kemm fil-wasliet u kemm fl-iljieli. Biżżejjed jingħad li fl-iljieli mqattgħa, għall-ewwel darba nqabżet iċ-ċifra ta’ ’l fuq minn 41,000 lejl. Dan jafferma iż-żieda ta’5% fl-iljieli mqattgħa f’lukandi ta’ ħames stilel f’Għawdex, fix-xahar ta’ Settembru li għadda meta kkomparat ma’ Settembru tas-sena l-oħra.
Il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis laqa’ bi pjaċir dawn iċ-ċifri pożittivi għax-xahar ta’ Settembru fejn pajjiżna reġa’ rreġistra għal xahar ieħor riżultati eċċezzjonali u inkoraġġanti fis-settur tal-akkommodazzjoni kollettiva.
Dan ir-riżultat jissokta t-trend pożittiva rreġistrata sa mill-bidu tas-sena fejn in-numru ta’ wasliet kiber bi kważi 8% meta mqabbel mal-perjodu ta’ Jannar u Settembru tas-sena l-oħra u kif ukoll ilħaqna kważi ċ-ċifra ta’ 7 milljun lejl fl-ewwel 9 xhur ta’ din is-sena.
Il-Ministru Zammit Lewis qal li dawn ir-riżultati jikkonfermaw l-arja ta’ ottomiżmu li hawn fil-pajjiż. Fi żmien 8 snin in-numru ta’ wasliet fil-lukandi żdied bi kważi 30%. Dan ikompli jikkonferma kemm hi għaqlija l-politika ta’ dan il-gvern li jkompli jieħu l-miżuri li ħa f’dan il-baġit sabiex ikompli jsaħħaħ u jinċentiva t-tkabbir tas-settur privat billi jistiednu jkun sħab miegħu b’permezz ta’ Public Private Partnerships. Miżuri u inċentivi bħal dawn huma t-triq u l-viżjoni ’l quddiem sabiex f’pajjiżna jkun hawn aktar investiment li jġib aktar ġid, tkabbir ekonomiku u impjiegi ta’ kwalità.
Is-settur tat-turiżmu huwa bla dubju fuq quddiem nett fil-kisba tan-numri li qed jirreġistra pajjiżna xahar wara xahar fil-ħolqien tal-impjiegi. Dan huwa sens ċar li pajjiżna miexi fid-direzzjoni t-tajba, temm jgħid il-Ministru għat-Turiżmu, Dr. Edward Zammit Lewis.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046