Left arrow Go Back

IS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DRITTIJIET TA’ PERSUNI B’DIŻABILITÀ U ANZJANITÀ ATTIVA JIPPARTEĊIPA B’MOD SĦIĦ FIL-ĠIMGĦA DDEDIKATA GĦALL-PERSUNI B’DIŻABILITÀ

PR142765
Date Icon 24/11/2014

Fl-okkażjoni tal-ġimgħa ddedikata għall-persuni b'dizabiltà, is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva ser ikollu programm ta' attivitajiet u inizjattivi ġodda konnessi mal-qasam tad-dizabilità. Is-Segretarju Parlamentari, Justyne Caruana, se tkun qed tipparteċipa wkoll b'mod sħiħ fl-attivitajiet organizzati mill-Kummisjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità bejn it-3 ta’ Diċembru, li hu l-Jum Dinji tal-Persuni b’Diżabilità, u l-10 ta’ Diċembru, li hu l-Jum Dinji tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana fil-Jum Dinji tal-Persuni b’Diżabilità se tkun qiegħda tniedi l-Politika Nazzjonali għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, li huwa dokument importanti ferm sabiex id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità jiġu iżjed rikonoxxuti f’pajjiżna u li huwa l-ewwel dokument tax-xorta tiegħu f'pajjiżna, waqt li l-Kummisjoni Nazzjonali Persuni b'Dizabilità ser tkun qed torganizza Konferenza Nazzjonali.

Il-KNPD minn kemm ilha mwaqqfa dejjem fakkret dawn il-jiem b’messaġġi u attivitajiet varji. Issa saret tradizzjoni tal-KNPD li torganizza l-Ġimgħa tal-Persuni b’Diżabilità.

F’dawn il-jiem il-KNPD, flimkien ma entitajiet oħra involuti fis-settur tad-diżabilità, tiċċelebra d-diversità u d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. It-tema magħżula din is-sena hi “Id-Deċiżjoni Tiegħi, il-Futur Tiegħi” li tfakkarna fil-motto “Xejn dwarna mingħajrna” li addottat il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.

Din it-tema għandha tfakkarna li l-persuni b’diżabilità, bħal kull ċittadin ieħor f’pajjiżna, għandhom id-dritt li jieħdu deċiżjoni u li din tiġi rispettata. Kulħadd għandu d-dritt li jiddetermina l-futur tiegħu kif jixtieq hu anke jekk il-kumplament tas-soċjetà ma taqbilx ma’ din id-deċiżjoni.

Fattur ieħor li ta’ min wieħed jirrimarka dwaru hu li huma ftit l-persuni b’diżabilità fis-soċjetà li għandhom il-poter jew il-pożizzjonijiet li jistgħu jieħdu deċiżjonijiet li jiddeterminaw il-futur ta’ pajjiżna. Huwa f’dan id-dawl li l-KNPD tilqa’ d-deċiżjoni li l-gvern jinkludi numru ta’ persuni b’diżabilità fuq numru ta’ bordijiet.

Is-Segretarjat Parlamentari ser ikun qiegħed ukoll jagħti l-premju tal-A+ Accessibility li qed isir b'kollaborazzjoni ma’ diversi Kunsilli Lokali ta' pajjiżna.

Bl-isem ta’ “Winter Moods and Friends” is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, ser ikun qiegħed itella’ kunċert f’Għawdex bl-inklużjoni sħiħa ta’ persuni b’diżabilità fi prestazzjonijiet ta' mużika u żfin u qari ta’ poeżiji minn persuni b’diżabilità nfushom. Dan il-kunċert ser isir b’risq il-Marigold Foundation u l-biljetti ser ikunu għall-prezz ta’ €5 normali u ta’ €10 għal biljetti VIP. Dawn il-biljetti ser ikunu jistgħu jinbiegħu mill-uffiċċji tas-Segretarjat Parlamentari stess, il-Belt. Dan il-kunċert ser isir taħt l-awspiċji tal-ET il-President ta' Malta, li ser tkun qed taghti wkoll il-Premju Soċjetà Ġusta. Dan ser ikun qed jingħata għall-ewwel darba f'pajjiżna appuntu waqt dan il-kunċert fit-Tearu Aurora fis-7 ta' Diċembru li ġej.



pr142765a.pdfpr142765a.pdf

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow