Left arrow Go Back

IL-MIRI TA’ MALTA FL-EDUKAZZJONI, L-INNOVAZZJONI U X-XOGĦOL SAL-2020 DISKUSSI F’LAQGĦA PUBBLIKA OĦRA ORGANIZZATA MILL-MEUSAC

PR142748
Date Icon 22/11/2014

Ilbieraħ filgħaxija l-MEUSAC organizza laqgħa pubblika oħra f’serje ta’ laqgħat ma’ Ministri tal-Gvern dwar il-miri tal-Istrateġija ‘Ewropa 2020’. Din il-laqgħa, bit-tema, ‘Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda’, saret mal-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo, u s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, Chris Agius.

Fid-diskors tal-ftuħ, il-Kap tal-MEUSAC, Vanni Xuereb irrefera għar-rapport tal-Kummissjoni Ewropea li ħareġ il-ġimgħa l-oħra, l-Education and Training Monitor, li jkejjel il-qagħda tas-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ fl-Ewropa. Huwa qal li dan ir-rapport jelenka diversi passi ta’ progress li Malta għamlet fejn jidħlu l-miri għall-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Istrateġija ‘Ewropa 2020’. Dott. Xuereb kompla jgħid li madankollu hemm bżonn li tkompli l-ħidma sabiex ikomplu jingħelbu l-isfidi li pajjiżna qed jaffaċċja flimkien mal-Istati Membri l-oħra. Il-MEUSAC ilu sa minn meta ħarġet l-‘Ewropa 2020’, jinvolvi lis-soċjetà ċivili permezz ta’ konsultazzjonijiet, seminars, sessjonijiet u kampanji ta’ informazzjoni. L-għan tal-MEUSAC hu li l-miri jintlaħqu u jħallu l-effetti mixtieqa bl-involviment sħiħ tal-partijiet kollha involuti; bejn dawk involuti fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ u dawk fil-qasam tax-xogħol.

Mistoqsi dwar l-iskema tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, il-Ministru Bartolo qal li f’pajjiżna l-iskema tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ taħdem b’mod differenti minn dik tal-kumplament tal-Ewropa. F’Malta, il-Garanzija qiegħda tiffoka fuq iż-żgħażagħ li ma jkomplux jistudjaw u li jidħlu kmieni fid-dinja tax-xogħol mingħajr ħiliet adekwati. Huwa qal li nbdew programmi li kienu ta’ suċċess fosthom ir-reviżjoni fis-sajf għall-eżamijiet tas-SEC, programm għall-istudenti tal-MCAST biex ikomplu l-livelli kollha tal-kors, il-programm ta’ tagħlim applikat, Youth.inc kif ukoll programm ta’  tagħlim alternattiv għal dawk l-istudenti li ma jirreġistrawx għall-eżamijiet tas-SEC. Ix-xogħol li qiegħed isir maż-żgħażagħ bejn it-18 u l-24 sena li waqfu mill-edukazzjoni, it-taħriġ jew li huma bla xogħol, li jammontaw għal madwar 7,000 għadu mhux isib rispons tajjeb. Hija ħasra, qal il-Ministru Bartolo, li ħafna miż-żgħażagħ f’din il-kategorija qatgħu qalbhom li jistgħu jtejbu ħajjithom.

Dwar l-opportunitajiet ta’ skambji li joffri l-programm ta’ fondi tal-UE, ERASMUS +, il-Ministru Bartolo qal li sfortunatament f’pajjiżna n-numru ta’ żgħażagħ li jsiefru sabiex jistudjaw jew jitħarrġu għadu baxx ħafna. Iċ-ċavetta biex pajjiżna jirnexxi hija li nkunu miftuħin għad-diversità, għax ir-realtà hi li nofs l-impjiegi li nħolqu f’pajjiżna din is-sena ttieħdu minn barranin. Iż-żgħażagħ li jagħmlu esperjenzi barra minn Malta jkabbru fihom is-sens ta’ sagrifiċċju u impenn; valuri li skont il-Ministru Bartolo huma neqsin ħafna fiż-żgħażagħ Maltin, li qegħdin jitilgħu ‘f’deżert tal-valuri’. Ir-responsabbiltà mhix kollha taż-żgħażagħ imma tal-ġenituri, tas-sistema edukattiva u tas-soċjetà.

Il-Ministru rrefera wkoll għall-inċentivi biex iktar nisa jidħlu fis-suq tax-xogħol bl-inċentivi bla ħlas għall-ħarsien tat-tfal u dawk lis-single mothers u qal li b’dawn l-inċentivi qiegħda tiġi ndirizzata l-problema tat-tfal ta’ ġenituri li ma jaħdmux li jitilgħu bla aspirazzjonijiet ta’ xejn.

Waqt li rrefera għall-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 fir-riċerka u l-innovazzjoni, is-Segretarju Parlamentari Chris Agius tkellem dwar il-fondi allokati f’dawn l-oqsma billi qal li kemm fl-Università, fl-MCAST u kif ukoll fl-industrija ssir ħafna riċerka, b’fondi Ewropej u nazzjonali, li r-riżultati tagħha, mhux bilfors jinħassu mill-ewwel imma jagħtu r-riżultati fit-tul taż-żmien.

Is-Segretarju Parlamentari rrefera wkoll għall-qasam tal-isport billi qal li hemm pjan li l-isport jiġi integrat mal-edukazzjoni billi, fost mezzi oħra, tinħoloq ħidma mal-privat sabiex jinbtu proġetti fis-settur sportiv. Huwa qal li ladarba l-isport jitmexxa iktar b’mod professjonali  f’kollaborazzjoni mas-settur privat, jista’ jkun mutur ieħor fl-ekonomija Maltija.

Fost l-interventi ta’ dawk li attendew għal din il-laqgħa pubblika ssemmew l-importanza ta’ proġetti fuq bażi volontarja li jgħinu lit-tfal li jaqgħu lura fl-edukazzjoni u l-problema tal-illitteriżmu. F’dan il-kuntest saru żewġ suġġerimenti li ntlaqgħu tajjeb mill-Ministru Bartolo biex l-istudenti li jissieħbu f’dawn l-inizjattivi jiġu akkreditati u wkoll biex iċ-ċentri għall-ħarsien tat-tfal jiġu estiżi anki għal tfal ta’ ġenituri li ma jaħdmux ħalli minn età żgħira jibdew jitgħallmu affarijiet ta’ valur.

Persuna mill-udjenza semmiet in-nuqqasijiet prinċipali fit-tliet fażijiet tas-sistema edukattiva formali: il-kontenut vast tal-kurrikulu tal-primarja li ma jħallix lill-istudenti jiggustaw is-suġġetti; fis-sekondarja l-istudenti huma nieqsa mill-aspett soċjali u dak sportiv u jsiru jitkellmu aktar mal-kompjuter milli ma’ xulxin; waqt li fl-edukazzjoni terzjarja, l-istudenti jaħsbu li r-riċerka u l-innovazzjoni huma żejda u ma tantx jirrendu.

Fil-konklużjoni tiegħu, il-Ministru Bartolo kkummenta dwar il-punti li tqajmu u tenna l-importanza li s-sistema edukattiva m’għandhiex tgħallem biss is-suġġetti imma tkun aktar ħolistika billi tgħaddi lill-istudenti l-valuri tar-rispett, ir-responsabbiltà, is-sens tad-dmir u l-imġiba. 

L-aħħar laqgħa pubblika organizzata mill-MEUSAC għal din is-sena ser issir fl-4 ta’ Diċembru mal-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Helena Dalli u ser titratta l-Inklużjoni Attiva fl-Ewropa.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow