IL-PROĊESS TAL-PAGAMENTI FEJN JIDĦLU SKEMI TA’ TAĦRIĠ GĦALL-ĦADDIEMA B’FONDI EWROPEJ SER IKUN AKTAR EFFIĊJENTI
“Permezz ta’ investiment fl-apparat teknoloġiku tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, jekk l-applikazzjoni tkun mimlija tajjeb mal-ewwel, ser inkunu qed nassiguraw li l-pagamenti għar-rigward l-iskema tat-Training Aid Framework (TAF) imħabbra fil-budget jiġu pproċessati fi żmien erba’ xhur. Dan biex ma jerġax jinħoloq inkonvenjent għal intrapriżi bħal ma ġara fl-iskema tat-TAF li ħarġet fl-2011 taħt l-amministrazzjoni preċedenti, fejn diversi intrapriżi li bbenefikaw minn din l-iskema rċevew il-pagamenti tagħhom din is-sena, kważi tlett snin wara.” Dan qalu is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Ian Borg waqt li kien qed jindirizza konferenza stampa ġewwa l-istabiliment SO Galarie, kumpanija li fix-xhur li għaddew ibbenefikat mll-inizjattiva JEREMIE.
Is-Segretarju Parlamentari qal li għal din l-iskema tat-Training Aid Framework ġew allokati €2.5 miljun mill-Fond Soċjali Ewropew li għal darba oħra ser tkun amministrata mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ. Ic-Chairman tal-Korporazzjoni Clyde Caruana qal li l-għan ta’ din l-iskema huwa li tagħti għajnuna finanzjarja lill-kumpaniji fis-settur privat sabiex jinvestu fit-taħriġ tal-ħaddiema tagħhom. Din l-għajnuna ser tkun qed tkopri il-ħlas lura ta’ parti:
• mill-pagi ta’ min qed jipprovdi it-taħriġ kif ukoll il-materjal meħtieġ għat-taħriġ.
• mill-ispejjeż relatati mal-ivjaġġar kemm ta’ min qed jitħarreġ u kemm tal-persuni li ser ikunu qed joffru t-taħriġ.
• mill-pagi ta’ min qed jitħarreġ.
Is-Sur Caruana saħaq li l-ammont tal-għajnuna li tingħata ivarja skond id-daqs u l-profitti tal-intrapriża. L-applikazzjonijiet għal din l-iskema ser jibdew jintlaqgħu min nhar it-Tnejn 24 ta’ Novembru 2014 sal-Ħamis 18 ta’ Diċembru 2014 fuq bażi ta’ first come first served. Id-dettalji kollha dwar din l-iskema jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ www.etc.gov.mt.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej qal ukoll kif fis-seba’ snin li ġejjin il-Gvern ser ikun qed jikkommetti €15-il miljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2014-2020 għall-SME initiative. Dan l-investiment min-naħa tal-Gvern b’kollaborazzjoni mal-banek ser ikun qed joffri aktar aċċess għal finanzjament ewropew lill-intrapriżi żġħar u medji minħabba li mistenni joħloq ammont ta’madwar €90 miljun f’ loans vantaġġużi għal dawn l- intrapriżi.
Dr Borg tenna kif Malta hija l-unika pajjiż Ewropew flimkien ma Spanja li qed juru nteress fl-SME Initiative. L-SME Initiative hija simili ħagna għal JEREMIE li fl-aħħar snin kienet tant popolari mal-intrapriżi żgħar u medji Maltin.
Fil-fatt Dr Borg fakkar kif dan il-Gvern f’Lulju tal-2013 fehem l-importanza tal-istrumenti finanzjarji fejn jidħlu l-intarpriżi żgħar u medji u żied l-allokazzjoni għall-Jeremie b'madwar €2 miljun oħra mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2007-2013 li ssarfu f’madwar €11-il miljun oħra f’loans vantaġġużi. Minn din iż-żieda fl-allokazzjoni kien hemm aktar minn 190 intrapriża li bbenefikaw.
Dr Borg kompla jgħid li dawn l-iskemi imorru id f’id mal-politika tal-Gvern li t-tkabbir ekonomiku għandu jinħoloq bl-inizjattiva u l-bżulija tal-familji u n-negozji tagħna billi l-Gvern ikun sieħeb mal-privat u jipprovdilu l-istrumenti neċċessarji sabiex huwa jkompli jikber.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046