IL-GVERN DETERMINAT IKOMPLI JNEĦĦI KULL OSTAKOLU LI QED IXEKKEL LIN-NISA MILLI JIDĦLU FID-DINJA TAX-XOGĦOL U TAL-IMPRENDITORIJA
Fl-okkazjoni tal-Jum dinji tan-nisa fl-intraprenditorija, il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Dr. Chris Cardona indirizza konferenza bit-tema ‘Female Entrepreneurship: Challenges and Opportunities’ organizzat mill-Istitut Edward de Bono b’kollaborazzjoni mat-TAKEOFF, Fondazzjoni tan-Nisa fin-Negozju, L-Assoċjazzjoni ta' Nisa fin-Negozju u DEGREE+.
Il-Ministru Cardona qal li dan il-Gvern jemmen li l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fid-dinja tax-xogħol hija ingredjent essenzjali għas-suċċess ekonomiku li jrid jintlaħaq. Fl-aħħar sena u nofs sar ħafna progress, anke permezz ta’ diversi inizjattivi u mizuri li ħa l-Gvern, fosthom, ic-childcare b’xejn. Madanakollu fadal ħafna xi jsir, partikolarment fil-qasam tal-intraprenditorija.
“Dan huwa l-aqwa mument biex nagħtu s-spinta neċessarja li għandu bżonn dan is-settur. Il-Gvern, kollettivament permezz tal-Budget 2015 qed jibgħat messaġġ b’saħħtu f’din id-direzzjoni b’sensiela sħiħa ta’ miżuri u inizjattivi” sostna l-Ministru Cardona.
Huwa elenka diversi miżuri mħabbra fil-Budget 2015, fosthom it-tisħiħ tas-servizz tac-childcare, fejn kull tifel u tifla qed jibbenefikaw minn medja ta’ 4 t’elef ewro fis-sena. Flimkien maċ-childcare hemm ukoll is-servizz tal-‘Breakfast Club’ li qed ikomplu jgħinu biex il-ġenituri jkunu f’pożizzjoni li jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Il-Ministru Cardona qal li l-Gvern permezz ta’ dan il-Budget se jneħħi ostakolu ieħor għan-nisa li jixtiequ jidħlu fid-dinja tax-xogħol, dan billi se jneħħi d-differenza bejn nisa u rġiel fuq kunsiderazzjoni ta’ spiża għall-employer. Semma wkoll iż-żieda fir-rata tal-benefiċċju tal-Leave tal-Maternità u l-benefiċċju tal-maternità għan-nisa self-employed.
“Il-Gvern mhux biss irid ineħħi l-ostakoli li qed ixekklu lin-nisa milli jidħlu fid-dinja tax-xogħol imma wkoll jgħinhom ikunu intraprenditorjali. Aħna nemmnu fil-potenzjal tas-self-employed u rridu ngħinuhom kemm nifilħu” saħaq Chris Cardona. Huwa spjega kif mill-1 ta’ Jannar 2015 ’il quddiem, se jidħol il-benefiċċju tal-maternità għan-nisa self-employed, li jitħallas b’rata ekwivalenti għal paga minima nazzjonali.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046