IL-MINISTRU REFALO JNIEDI L-EBIZ COURSES, PROĠETT EDUKATTIV GĦAN-NEGOZJI ŻGĦAR U MEDJI F’GĦAWDEX
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo nieda l-EBIZ courses f’Għawdex, proġett edukattiv ġdid li huwa intiż biex jgħaddi l-għodda neċessarja lis-sidien tal-ħwienet, ta’ intrapriżi żgħar u medji kif ukoll lis-self employed.
Il-Ministru Refalo tkellem dwar l-importanza tal-SMEs f’Għawdex u tenna li l-Gvern huwa impenjat li jgħin lin-negozji Għawdxin jimxu ’l quddiem. Il-Ministeru għal Għawdex irid li l-familji Għawdxin jgħixu aħjar u li jitkattar il-ġid f’Għawdex. Din id-differenza f’Għawdex qed tinħass u qed tinħass arja ta’ ottimiżmu u sens ċar li l-pajjiż miexi fid-direzzjoni t-tajba.
Il-Proġett EBIZ huwa intiż proprju biex jgħin lin-negozji Għawdxin u Maltin jagħrfu li, permezz tal-ICT jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż u jiksbu aċċess għal swieq akbar. B’din l-istrateġija, il-Gvern qed jimpenja ruħu li jipprovdi l-għodda meħtieġa sabiex l-intrapriża Maltija tagħraf tikkapitalizza bis-sħiħ il-vantaġġi li ġġib magħha t-teknoloġija tal-internet.
Għalhekk l-għan ta’ dan il-proġett, EBIZ, huwa li s-sidien tan-negozji jiġu mgħallma kif jużaw it-teknoloġija biex ikabbru n-negozju tagħhom filwaqt li jkomplu jżidu l-opportunijiet f’dinja diġitali li kuljum qed tavvanza u tinbidel.
Il-Ministru Refalo irringrazzja lill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Chris Cardono, li nieda l-EBIZ courses u li anke dawn il-korsijiet se jiġu offruti f’Għawdex. Il-Ministru Refalo wera apprezzament lil kumpaniji varji u entitajiet bħal TCTC, BOV, Go, Malta Enterpriese li qegħdin jassistu lill-proġett EBIZ. Il-Ministru għal Għawdex ħeġġeġ biex l-SMEs jieħdu sehem f’dawn il-korsijiet li żgur li se jkunu ta’ benefiċċju fin-negozju tagħhom.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046