Left arrow Go Back

IL-KUMMISSJONI EWROPEA TELENKA L-PROGRESS TAS-SETTUR EDUKATTIV

PR142668
Date Icon 13/11/2014

Iktar kmieni llum, il-Kummissjoni Ewropea ppublikat ir-rapport “Education and Training Monitor 2014” fejn elenkat il-progress li qed isir f’dan il-qasam.

Ir-rapport isemmi ż-żieda sostanzjali fl-investiment fl-edukazzjoni, speċjalment fl-isfond tat-tnaqqis ta’ pajjiżi oħra. Il-persentaġġ ta’ investiment fl-edukazzjoni mal-Prodott Gross Domestiku ta’ pajjiżna għal din is-sena, komparat ma’ pajjiżi oħra, huwa wieħed għoli u dan juri l-impenn tal-Gvern fil-qasam edukattiv.

Ir-rapport isemmi wkoll in-numru ta’ strateġiji u mizuri li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ħejja l-aktar fis-sena 2013 biex jintlaħqu l-miri u jiġu ffaċjati sfidi bħal dawk tal-ħiliet bażiċi, tal-early school leaving u t-taħriġ vokazzjonali.

Ir-rapport, li jista’ jitniżżel mis-sit education.gov.mt, isemmi l-isfida tat-titjib tal-ħiliet bażiċi fejn il-Gvern jinsab impenjat bis-sħiħ fuqhom, fosthom billi ppublika l-Istrateġija tal-Litteriżmu 2014-2019, it-tfassil tal-‘Learning Outcomes Framework’, il-introduzzjoni tal-proġett pilota tat-tablets, l-investiment fil-ħiliet tal-ICT fost il-popolazzjoni u t-twaqqif tac-Centre for Entrapreneurship and Business Incubation, fl-Università ta’ Malta.

Dawn huma miżuri li jirriflettu l-politika tal-Ministeru għas-sena bażi 2013. Fl-aħħar ħames snin ir-rata ta’ early school leaving naqset bi tnax-il punt perċentwali u dan huwa rikonoxxut minn dan ir-rapport. Minkejja dan, għad fadal ħafna xi jsir biex tintlaħaq il-mira ta’ 10% sal-2020. Biex din tintlaħaq, ġew introdotti numru ta’ miżuri fosthom dawk marbutin mal-edukazzjoni bikrija, Garanzija taż-Żgħażagħ, ġiet riveduta l-‘Early School Leaving Strategy’, tħejjew programmi alternattivi għal studenti li mhux jaslu sal-livell SEC (ALP) u tnediet l-istrateġija għat-tagħlim tul il-ħajja.

Il-bżonn li l-Ministeru jkompli jsaħħaħ l-edukazzjoni vokazzjonali joħroġ ċar mir-rapport, fejn jelenka lil Malta fost il-pajjiżi bl-iktar rati baxxi ta’ edukazzjoni vokazzjonali fl-Unjoni Ewropea meta ġie studjat dan il-qasam fl-aħħar snin. Huwa għalhekk li fost il-prijoritajiet minn Marzu 2013 ‘l hawn, kienet propju l-edukazzjoni vokazzjonali, speċjalment dik li tibda mil-livell sekondarju.

Fost dawn insibu l-iskema nazzjonali tal-apprendistat, l-introduzzjoni tat-tagħlim fuq l-post tax-xogħol mill-MCAST u l-evalwazzjoni tas-sistema edukattiva f’Malta minn CEDEFOP. Ir-rapport jelenka numru ta’ fatturi pożittivi favur Malta fosthom li r-rata ta’ żgħażagħ mhux fix-xogħol jew li mhux qegħdin fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ hija ferm inqas mill-medja Ewropea. Ir-rata ta’ gradwati li jidħlu fid-dinja tax-xogħol hija fost l-ogħla fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Malta hija wkoll identifikata mir-rapport b’mod pożittiv, li l-gradwati qed isibu xogħol ekwivalenti għall-kwalifiċi li għandhom.

Ir-rapport jinnota wkoll il-pjan tal-Ministeru li jiġbor flimkien l-istrateġiji u l-pjanijiet kollha tiegħu taħt il-Qafas għall-Istrateġija għall-Edukazzjoni f’Malta mill-2014 sal-2024. Jinnota wkoll li l-miżuri kollha ser jinġabru fi pjan ta’ implimentazzjoni wieħed u ser ikunu kkordinati u ssapportjati minn struttura interna responsabbli mill-implimentazzjoni.

Ir-rapport jista’ jitnizzel minn www.education.gov.mt

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow