INIZJATTIVA TAL-GVERN GĦALL-IŻVILUPP TAS-SETTUR TAL-KOMUNIKAZZJONI BIS-SATELLITA
L-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni, l-MCA, ser tippubblika sejħa fuq livell internazzjonali għal proposti għall-użu ta’ żewġ slots ta’ orbiti tas-satellita. Il-Gvern ta’ Malta bi ħsiebu jagħmel dawn l-islots disponibbli, biex jappoġġja s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kemm privati u anke pubbliċi, permezz ta’ ftehim ta’ konċessjoni u liċenzja relatata li se jkunu mmaniġġjati mill-MCA.
Is-Segretarju Parlamentari responsabli mill-Kompettività u t-Tkabbir Ekonomiku Dr José Herrera qal li permezz ta’ dan il-proċess kompetittiv internazzjonali, Malta qed tikteb paġna ġdida fl-istorja tal-komunikazzjoni ta’ pajjiżna.
Paġna ġdida fl-istorja tal-komunikazzjoni ta’ pajjiżna
“Fis-settur tal-komunikazzjonijiet bis-satellita qed nagħmlu dak li ma sarx qabel. Il-Gvern iddeċieda li jiżviluppa s-settur ta’ komunikazzjonijiet bis-satellita u li joffri ż-żewġ spazji fl-orbita allokati lill-Malta mill-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni, l-ITU, lis-suq permezz ta’ proċess kompetittiv internazzjonali. B’hekk għall-ewwel darba Malta qed tfittex imsieħba strateġiċi li jisfruttaw dawn l-assi spazjali ħalli permezz ta’ attivitajiet kummerċjali jkunu jistgħu jibbenefikaw il-Gżejjer Maltin u jqiegħdu lil Malta fuq il-mappa satellitari globali”, tenna s-Segretarju Parlamentari Dr José Herrera.
Is-Segretarju Parlamentari qal li din is-sejħa għandha l-għan li tattira lejn Malta entitajiet internazzjonali b’esperjenza, li jappoġġjaw il-provista ta’ servizzi satellitari kummerċjali ta’ kwalità għolja bbażati fuq teknoloġija avvanzata. Proġetti kbar bħal dawn iservu wkoll biex jappoġġjaw it-trasferiment tal-għarfien f'setturi ġodda u għandhom l-għan li jipprovdu opportunitajiet għall-ħolqien ta’ attività ekonomika f’setturi ġodda, qal Dr Herrera.
Innovazzjoni hija mportanti
Dr José Herrera qal li dan il-proċess għandu jikkumplimenta w ikompli jsaħħaħ l-infrastruttura avvanzata tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li għandu il-pajjiż. Il-Gvern, min-naħa tiegħu, flimkien mal-istakeholders, ser ikompli jassigura l-innovazzjoni kontinwa u l-investiment mill-operaturi lokali, kemm f'termini teknoloġiċi kif ukoll is-servizzi offruti lis-settur kummerċjali u dak tal-konsumaturi. B’dan il-mod Malta tkompli tkun minn ta’ quddiem fil-kuntest dejjem aktar kompetittiv Ewropew, kompla jgħid Dr Herrera.
Aktar minn hekk, tenna Dr Herrera, il-Gvern jemmen li l-investiment f'infrastrutturi huwa vitali biex tiżdied il-kompetizzjoni fis-settur, li twassal biex tiġġenera kwalità aħjar ta’ servizzi għall-konsumaturi.
L-MCA inkarigata mill-proċess
F’dan il-proċess, il-Gvern inkariga lill-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni, l-MCA, bħala l-entità responsabbli għar-regolamentazzjoni tas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi biex tissorvelja dan il-proċess. Sejħa għall-proposti ser tkun ippubblikata fil-viċin.
L-MCA se tkun qed tiżen u tikkonsidra l-investiment, il-mudelli tan-negozju, il-kopertura tas-suq, l-użu tal-aktar teknoloġiji avvanzati, it-termini u l-kundizzjonijiet kummerċjali, il-perjodi ta’ żmien involut għall-operat, u l-offerti ekonomiċi sabiex min hu l-aktar kwalifikat jingħata liċenzja għal użu satellitari.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046