KAROZZA ELETTRIKA GĦALL-PARLAMENT MALTI
Waqt ċerimonja qasira li saret fil-bitħa tal-Palazz tal-Granmastri, il-Belt Valletta, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi, ikkonsenja lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, karozza elettrika għall-użu tal-Parlament.
F’diskorsi qosra tal-okkażjoni, l-Ispeaker Farrugia u l-Ministru Mizzi, saħqu fuq l-importanza li għandu jingħata l-ħarsien tal-ambjent u li l-għoti ta’ din il-vettura kien qed isir proprju għal dan l-iskop.
Ġie nnotat ukoll li l-użu ta’ vettura li tuża enerġija nadifa se jkun qed jikkumplimenta l-politika adottata fil-bini l-ġdid tal-Parlament fejn intużat teknoloġija infrastrutturali li proprju tgħin biex jonqos il-konsum tal-enerġija meħtieġa biex titħaddem il-binja u biex jingħataw dawk is-servizzi li huma mistennija minn Parlament fis-soċjetà tal-lum.
L-uffiċjali li ser ikunu qed jagħmlu użu minn din il-vettura ser jiġu mogħtija anke taħriġ speċjali biex jagħmlu l-aħjar użu minn din il-karozza.
Il-vettura elettrika, kif ukoll it-taħriġ jagħmlu parti mill-proġett DemoEV bil-kodiċi LIFE10 ENV/MT/088 ikkonfinanzjat mill-istrument LIFE+. Permezz ta’ dan il-proġett, ġew mixtrija 24 vettura elettrika ta’ daqsijiet u għamliet differenti kif ukoll 90 charging point li bihom il-pubbliku jista’ jiċċarġja l-vettura tiegħu. ’Il fuq minn 100 ċittadin kif ukoll għadd ta’ kumpaniji u organizzazzjonijiet ħadu sehem fil-perjodu ta’ dimostrazzjoni li beda aktar kmieni din is-sena u li se jiġi fi tmiemu f’Diċembru 2015.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046