Left arrow Go Back

FTEHIM BIEX JINFETAĦ ĊENTRU GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA ĠDID FIL-BIRGU

PR142648
Date Icon 11/11/2014

Illum ġie ffirmat ftehim biex jinfetaħ Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-Anzjani fil-Birgu. Dan iċ-ċentru se jkun magħruf bħala Ċentru għall-Anzjanità Attiva, proġett ieħor relatat mal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Anzjanità Attiva. Dan in segwitu għall-ħidma li wettaq is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva fix-xahar ta’ Ottubru fejn kienu mħabbra sensiela ta’ proġetti u inizjattivi li jirrigwardjaw is-settur tal-anzjani.

Waqt l-attività fil-Berġa tal-Ingilterra fil-Birgu, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Dr Justyne Caruana semmiet il-bidla li saret fiċ-ċentri ta’ matul il-jum billi nbidlu f’lifelong learning hubs; liema bidla ntlaqgħet tajjeb ħafna mill-anzjani. Semmiet ukoll il-ftehim li ntlaħaq maċ-Ċentru Ragħaj it-Tajjeb f’Għawdex biex ikun hemm esperjenza ta’ lifelong learning għall-anzjani f’Għawdex ukoll. Justyne Carauana fakkret ukoll fiċ-ċentru l-ġdid li nfetaħ fil-Gżira fil-jiem li għaddew fejn qed isir programm varjat ukoll.

Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana fakkret li skond il-miżuri tal-baġit li għadda kien hemm speċifikat Ċentru ta’ Matul il-Jum fil-Birgu, iżda waqt taħdidiet li kienu qed isiru bejn is-Segretarjat u l-Kunsill Lokali kien identifikat post storiku fil-qalba tal-Birgu li għandu potenzjal enormi tant li minflok Ċentru ta’ Matul il-Jum se jinfetaħ Ċentru għall-Anzjanità Attiva. Dr Caruana qalet li dan huwa l-ewwel proġett ta’ din ix-xorta f’pajjiżna u se jkun ċentru li jaqdi diversi ħtiġijiet u bżonnijiet għall-anzjani f’din il-lokalità partikolari. Ħabbret li dan iċ-Ċentru mistenni jibda jopera sa nofs is-sena d-dieħla u dan wara li se jsiru x-xogħlijiet kollha meħtieġa mhux biss strutturali imma wkoll ta’ tagħmir.

Dr Justyne Caruana ħabbret li dan il-Gvern impenjat biex ikompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani, hekk kif issa dan jidher u jinħass mill-familji li qegħdin jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar permezz ta’ bosta inizjattivi u proġetti li ġab fis-seħħ dan il-Gvern. Fost l-oħrajn semmiet il-proġett ta’ social outreach li qed isir f’erba’ lokalitajiet, kif ukoll is-servizz ta’ respite li kien imħabbar ftit tal-ġranet ilu.

Is-Segretarju Parlamentari rringrazzjat lill-Kunsill Lokali tal-Birgu speċjalment lis-Sindku tal-lokal, is-Sur John Boxall. Qalet li proġetti bħal dawn li qed isiru b’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali huma sinjal ċar ta’ kemm il-Gvern u l-Kunsilli Lokali qed jaħdmu b’sinerġija u għalhekk is-Segretarjat se jidħol għal proġetti oħra ma’ diversi kunsilli lokali biex propju jtejjeb is-servizzi fil-komunità.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow