KOOPERAZZJONI STRATEĠIKA BEJN IL-MITA U L-SAP GĦALL-BENEFIĊĊJU TAT-TALENT MALTI
L-Aġenzija tal-Gvern għat-Teknoloġija tal-Informatika (MITA) iffirmat Memorandum ta' Ftehim mal-korporazzjoni multinazzjonali tas-'software', SAP Hellas Malta and Cyprus.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u t-Tkabbir Ekonomiku Dr José Herrera ppresjeda ċ-ċerimonja tal-iffirmar bejn il-Kap Eżekuttiv tal-MITA, is-Sur Tony Sultana u l-Uffiċjal Kap Operattiv tal-SAP għall-Ewropa ta' Isfel, is-Sur Manos Raptopoulos.
Permezz ta' dan il-Memorandum ta' Ftehim, l-istudenti u l-istartups li joperaw mill-‘MITA Innovation Hub’ għandhom l-opportunità li japprofittaw minn programmi ddisinnjati apposta mill-SAP. Dawn il-programmi huma ntiżi biex jinkoraġġixxu startups lokali biex jitgħallmu dwar innovazzjonijiet fl-oqsma tal-Cloud Computing, Social, Big Data u Mobile.
Dawn il-programmi huma mfassla b'mod li jipprovdu startups bl-għajnuna meħtieġa f'dak li għandu x'jaqsam ma' konsulenza esperta, faċilitajiet li jiffaċilitaw tagħlim mill-bogħod u aċċess għall-aħħar teknoloġija SAP. Barra minn dan, l-istudenti se jkunu jistgħu jaqbdu man-network SAP permezz ta' sezzjonijiet fil-klassi, opportunitajiet ta' networking, sezzjonijiet fi gruppi fejn wieħed jingħata l-opportunità li jesprimi l-ideat tiegħu u riżorsi ad hoc bħar-riżorsa tal-kompjuter in-memory, HANA.
"Dan il-ftehim hu konformi mal-viżjoni tal-Gvern li jgħin u jinkoraġġixxi studenti u intraprendituri żgħar fl-età biex eventwalment isiru parteċipanti globali bi prodotti innovattivi iżda li jistgħu jitqegħdu fis-suq", qal Herrera. "Huwa permezz ta' din it-tali trasformazzjoni ta' talent u ideat u grazzi għall-parteċipanti globali bħall-SAP, li Malta verament tista' tiġi kkunsidrata aktar minn qatt qabel bħala ċentru internazzjonali f'soluzzjonijiet innovattivi.
Is-Sur Raptopoulos stqarr li, “hu privileġġ għall-SAP li qed jaħdmu mal-'MITA Innovation Hub' u l-intraprendituri Maltin għaliex il-programmi li qed jiġu mressqa mill-SAP jikkumplementaw il-viżjoni tal-Gvern Malti f'dan is-settur. Din il-kooperazzjoni bejn startups lokali u l-SAP hija parti integrali għall-istrateġija tagħna għall-inovazzjoni.” Huwa sostna li, “permezz tal-aċċess għall-SAP HANA startups se jkollhom l-opportunità li jisfruttaw informazzjoni miksuba minn big data u jiżviluppaw soluzzjonijiet li qabel ma kinux possibbli.”
Is-Sur Tony Sultana stqarr li hu ta' unur għall-MITA li tara l-'Innovation Hub' tagħha tikseb tragward ieħor fil-missjoni tagħha li tipprovdi programmi relevanti permezz ta' ħidma kollaborattiva ma' kumpaniji internazzjonali fil-qasam tat-teknoloġija. "Wara s-suċċess li ksibna fl-aħħar jiem bil-'Majjistral Park App', aħna nemmnu dejjem aktar fit-talent lokali tagħna. Din hi għalhekk ir-raġuni għaliex qed inkomplu ninvestu ħafna fil-ħolqien ta' ftehim ta' din il-kwalità ma' kumpaniji u partijiet interessati internazzjonali fil-qasam tat-teknoloġija. "
SAP u 'MITA Innovation Hub' se jkunu qed jorganizzaw 'Startup Forum' fuq medda ta' jumejn fis-6 u s-7 ta' Novembru fil-'MITA Data Centre', biex jagħtu startups promettenti fil-Big Data, ambitu analitiku f'ħin attwali u futuri, u l-opportunità li wieħed jitgħallem kif jiżviluppa applikazzjonijiet ġodda permezz tas-SAP HANA.
Startups u studenti interessati huma mħeġġa biex iżuru s-sit elettroniku www.mitainnovationhub.gov.mt/collaborations għall-aktar informazzjoni u għal aktar dettalji dwar dan il-programm.
Isegwi l-iffirmar tal-ftehim wara s-Segretarju Parlamentari indirizza forum organizzat mill-SAP bl-isem ta’ Simplification through Innovation. Is-Segretarju Parlamentari qal li wasal iż-żmien li l-Gvern flimkien mal-istakeholders ewlenin tal-industrija jingħaqdu flimkien biex ibiegħu l-prodott u t-talent li hawn f’dan il-pajjiż barra minn xtutna.
Waqt il-Forum, Herrera qal li l-iffirmar tal-ftehim bejn il-MITA u l-SAP huwa turija ta’ fiduċja mill-imprenditur barrani fl-ekonomija u t-talent Malti.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046