STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo indirizza l-ħames konferenza organizzata mill-Mental Health Association Gozo, bl-isem L-istress – tirbħu jew jirbħek? Diversi professjonisti indirizzaw din il-konferenza fejn tkellmu dwar l-istress psikoloġiku, emozzjonali u soċjali. L-istress jista’ jolqot kemm il-kbar kif ukoll liż-żgħar, għalhekk huwa ferm importanti li jkun hawn għarfien biżżejjed dwar is-saħħa mentali.
Il-Ministru Refalo qal li fil-ħajja mgħaġġla ta’ llum, hemm min isib ruħu f’diffikultà biex jegħleb l-istress. Anke t-tfal huma esposti għall-istress. “Għalhekk tajjeb li bħala ġenituri nkunu kapaċi ngħinu lil uliedna, u dan nistgħu nagħmluh biss bl-għajnuna u l-għarfien neċessarju” tenna l-Ministru.
L-għarfien jgħin biex persuna tkun kapaċi tagħraf is-sintomi relatati mal-istress li jista’ jibdel il-mod kif persuna taħseb, taġixxi, u l-emozzjonijiet tagħha. Huwa ferm importanti li jkun hemm kommunikazzjoni tajba bejn il-ġenituri u t-tfal u fuq kollox il-ġenituri għandhom isibu ħin għal uliedhom, jisimgħu x’għandhom jgħidu u jgħinuhom iħarsu lejn il-ħajja b’mod iktar pożittiv.
Il-Ministru Refalo rringrazzja lill-organizazzjoni għall-impenn u x-xogħol ta’ fejda li qed tagħmel. Anton Refalo tenna li l-Gvern huwa impenjat biex jgħin liċ-ċittadini jgħixu ħajja aħjar.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046