IL-MEUSAC JIDDISKUTI S-SĦUBIJA BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-ISTATI UNITI FIL-KUMMERĊ U L-INVESTIMENT
F’laqgħa tal-Core Group tal-MEUSAC li saret illum, kienu diskussi l-aħħar żviluppi fin-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar is-Sħubija Transatlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment magħrufa aħjar bħala TTIP (bl-Ingliż Transatlantic Trade and Investment Partnership).
Hu maħsub li t-TTIP jagħti spinta lill-ekonomija tal-UE b’€120 biljun, li jfisser qligħ annwali fil-PDG (Prodott Domestiku Gross) ta' bejn 0.5% u 1% u li jirriżulta f’€545 ta’ dħul disponibbli kull sena għal familja ta' erbgħa.
Dan il-ftehim beda jiġi negozjat f’Lulju tas-sena l-oħra u sa issa saru seba’ sessjonijiet ta’ negozjati.
Fl-introduzzjoni tagħha, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli spjegat l-għan ta’ dan il-ftehim filwaqt li saħqet fuq l-importanza li jkun hemm konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fi ħdan il-MEUSAC.
Id-diskussjoni tmexxiet minn David Sammut, Direttur (Relazzjonijiet Ekonomiċi Internazzjonali) fil-Ministeru għall-Finanzi, li fakkar li din kienet it-tieni laqgħa ta’ konsultazzjoni mill-MEUSAC dwar it-TTIP.
Hu rrefera għall-mandat tal-Kunsill tal-UE lill-Kummissjoni Ewropea li jiġbor fih il-fehmiet tal-Istati Membri u li jservi bħala qafas biex il-Kummissjoni Ewropea, f’isem it-28 Stat Membru tal-UE, tmexxi n-negozjati mal-Istati Uniti.
Għalkemm hemm numru ta’ tariffi tal-importazzjoni u l-esportazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika li huma diġà baxxi, għad hemm setturi tal-esportazzjoni fejn it-tariffi tagħhom għadhom relattivament għoljin. Ladarba permezz ta’ dan il-ftehim, dawn it-tariffi jitbaxxew, il-kumpaniji Maltin, speċjalment il-kumpaniji żgħar u medji, għandhom jibbenefikaw.
Id-diskussjonijiet dwar dan il-ftehim se jkomplu fix-xhur li ġejjin biex jiffukaw aktar fuq l-aspetti regolatorji għan-negozji żgħar u medji u l-iffaċilitar tal-kummerċ u d-dwana.
Għalkemm b’mod ġenerali kien hemm qbil fost il-membri tal-Core Group dwar it-TTIP, saru xi osservazzjonijiet dwar l-armonizzazzjoni tal-istandards li se jkunu fis-seħħ ladarba s-sħubija tiġi adottata, kif ukoll l-importanza li għandha tingħata lill-intrapriżi żgħar u medji.
Issemmiet l-importanza li jiġu assigurati kundizzjonijiet ekwi għall-aċċess tas-suq. Ġie ssuġġerit ukoll li jkun hemm aktar diskussjonijiet fuq it-TTIP fuq livell settorjali.
Il-Kap tal-MEUSAC Vanni Xuereb ikkonkluda d-diskussjoni billi qal li huma ppjanati li jsiru laqgħat oħra ta’ konsultazzjoni iktar ’il quddiem, ladarba jseħħu iktar żviluppi.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046