PAJJIŻNA JEĦTIEĠ PJAN DWAR IT-TRASPORT SOSTENIBBLI
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat għamel id-diskors tal-ftuħ ta’ konferenza tal-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija b’kollaborazzjoni mal-Ambaxxata tal-Ġermanja f’Malta u l-German Maltese Business Council, bl-isem ta’ The Future of Traffic Management in Malta:Innovative Mobility. Waqt dan id-diskors hu qal, “It-trasport huwa wieħed mill-aktar oqsma li joħloq gassijiet serra. Għalhekk kull riforma fit-trasport pubbliku trid tkun ħolqa f’katina sħiħa – Pjan Nazzjonali dwar it-Trasport Sostenibbli.”
Il-Ministru semma kif il-Gvern mhux biss poġġa l-inkoraġġiment għall-trasport li jaħdem bl-elettriku fuq quddiem tal-aġenda tiegħu, iżda nieda wkoll kemm pjan ta’ azzjoni nazzjonali dwar l-Electromobility kif ukoll Malta National Electromobility Platform sabiex tħares u tissorvelja l-implimentazzjoni tal-istess pjan ta’ azzjoni.
Bħala Ministru tal-Ambjent huwa fisser kif anki f’dawk il-każi fejn jitnaqqsu l-gassijiet serra fit-trasport jeħtieġ li nċekknu dawk l-okkażjonijiet fejn jiġi ġġenerat it-trab fin li jkollu impatt ferm negattiv fuq saħħet il-bniedem. Il-karrozzi elettriċi u dawk hybrid inaqqsu ħafna minn dawn il-problemi.
Huwa għamel appell lill-pubbliku biex meta jitkellem dwar trasport bl-elettriku ma jaħsibx biss f’karrozzi li jaħdmu bl-elettriku, iżda wkoll f’electric scooters, mopeds u bicycles li huma battery assisted. Huwa qal li dawn kollha jistgħu jgħinu biex tittaffa il-konġestjoni tat-traffiku fit-triqat.
Huwa tenna li permezz ta’ sistema magħrufa bħala Intelligent Transport System li mistennija titlesta sas-sena 2020, il-Gvern ikun ġab l-immaniġġjar tat-traffiku għall-livelli meħtieġa fuq skala internazzjonali.
Semma kif il-Gvern kien qed jgħarbel ukoll il-potenzjal ta’ sistemi ta’ mass transit fosthom il-light rail, il-monorail u servizzi relatati oħrajn.
Fuq livell tal-Unjoni Ewropea, apparti mill-Istrateġija dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li kienet ġiet addottata fis-sena 2006 u l-Istrateġija 2020, hemm ukoll White Paper dwar il-Politika dwar it-Trasport tas-sena 2011.
Huwa temm jgħid li t-trasport sostenibbli jibqa il-bażi ta’ kull riforma fit-trasport f’pajjiżna.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046
pr142536a_Speech.pdf